L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

“Xtaqna kieku naraw sinjal mingħandek.” Dan kien il-kliem li xi kittieba u Fariżej qalu lil Ġesù.

Il-biċċa hi li kienu raw digà sinjali jew semgħu b’sinjali li għamel Ġesù. Ftit qabel din is-silta, fl-Evanġelju ta’ San Mattew, naqraw li “ħafna min-nies marru warajh u fejjaqhom kollha”. U Ġesù, barra l-fejqan, kien ukoll keċċa xjaten, kien sikket it-tempesta, kien għamel diversi sinjali. Imma huma kellhom qishom għamad quddiem għajnejhom u qalbhom kienet magħluqa għalih u ma ridux jaċċettaw dak li raw u semgħu. Riedu qisu li jagħmel xi ħaġa spettakolari, xi ħaġa drammatika, biex forsi mbagħad huma jemmnu.

Ir-reazzjoni ta’ Ġesù kienet qawwija. Jgħidilhom: “Nisel ħażin u infidil!” Jgħid hekk għax ra fihom din il-qalb magħluqa li ma tridx taf; nies li tant kienu ppreġudikati kontrih u t-tagħlim tiegħu, li jagħmel x’jagħmel, għalxejn. Qisu lilhom qatt ma tista’, b’xi mod jew ieħor, tipperswadihom.

Il-fidi sserraħ fuq Ġesù li hu ħaj u li bil-qawmien tiegħu rebaħ il-mewt. Dik hi l-fidi tagħna. Hemm trid isserraħ, għax hemm għandna tassew il-garanzija għall-ħajja tagħna.

Imma jgħid aktar Ġesù. Isemmi s-sinjal l-iktar importanti li kellu jagħti aktar ’il quddiem: is-sinjal tal-mewt u l-qawmien tiegħu, ir-rebħa tiegħu fuq il-mewt. Meta jsemmi lil Ġona u t-tlett ijiem, hekk ifisser. Dan kien sinjal l-iktar importanti, definittiv. Kienu l-istess kittieba u Fariżej li kienu se jwassluh għall-mewt. Imma Ġesù qed isemmi dan is-sinjal biex jgħid: dan hu s-sinjal li hu Alla l-ħaj.  Sinjali oħra tista’ taħseb fihom u tgħid: forsi dan bniedem li jagħmel l-affarijiet kbar, għeġubijiet, xi ħaġa spettakolari. Imma bil-mewt u l-qawmien tiegħu, Ġesù wera li hu Alla l-ħaj, u li għalhekk miegħu l-ħajja tirbaħ fuq il-mewt,  l-imħabba fuq il-mibegħda, il-maħfra fuq il-vendetta, is-sewwa fuq dak li hu falz, it-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin.

Dil-kelma tgħodd ħafna għalina, għax aħna kultant, anke jekk ma ngħiduhiex bil-kliem, f’qalbna jkollna din ix-xewqa li semmew dawn il-kittieba u l-Fariżej. Kultant ngħidu: nixtiequ naraw sinjal. Qisna nfittxu xi ħaġa spettakolari biex nemmnu iktar. Pereżempju, xi ħadd itir; jew inkella xi vuċi qawwija mis-sema; jew bħalissa li qed nagħmlu l-pellegrinaġġi, l-istatwa  toħroġ waħedha min-niċċa, issibha barra – affarijiet bħal dawn, fenomeni li jiġru u ġraw fil-ħajja tal-qaddisin, imma allaħares il-fidi tagħna nserrħuha fuq dawn. Il-fidi ma sserraħx fuq dawn il-fenomeni li jistgħu jfissru ħafna affarijiet, imma l-fidi sserraħ fuq Ġesù li hu ħaj u li bil-qawmien tiegħu rebaħ il-mewt. Dik hi l-fidi tagħna. Hemm trid isserraħ, għax hemm għandna tassew il-garanzija għall-ħajja tagħna. Hemmhekk nindunaw li Ġesù mhuwiex biss xi ħadd li għamel xi ħaġa spettakolari, li tgħaġġbek u tibqa’ tħares, imma Ġesù huwa dak li rebaħ il-mewt, huwa ħaj, u minħabba f’hekk il-ħajja tagħna għandna tifsira, għandha direzzjoni u  nafu kif għandna ngħixuha fid-dawl tal-qawmien tiegħu.

Nirringrazzjaw lil Alla ta’ din il-kelma tiegħu. Nitolbuh biex aħna ma nfittxux li nserrħu l-fidi tagħna fuq affarijiet spettakolari, fuq għeġubijiet, fenomeni. Nitolbuh biex niftħu qalbna għalih u għall-preżenza tiegħu fl-istorja, fil-ġrajjiet ta’ ħajjitna, u li l-fidi tagħna dejjem isserraħ fuq Ġesù li hu ħaj u li dejjem jagħti l-ħajja lilna issa u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju