L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hi paġna ta’ niket u makabra din li għadna kif qrajna, dan ir-rakkont tal-qtil ta’ Ġwanni l-Battista. Mhux biss għax inqatel, imma l-mod vili li bih inqatel; u anke l-idea li taqta’ rasu u ġġibha fuq platt tqabbdek il-bard! Meta tiftakar li dan kollu sar biex tikkuntenta mara li kienet tobogħdu, għax kien jgħid il-verità, u din ġagħlet lit-tifla; u lir-raġel tagħha, li kif smajna fl-Evanġelju kien jaf “x’raġel tajjeb u qaddis kien Ġwanni”, ma riedx li joħroġ ta’ ħmar għall-kelma li ta – meta tiftakar dan kollu, titkexkex. Il-ħajja tal-bniedem ma kienet tiswa xejn!

Ġwanni l-Battista għadda minn dal-martirju għax kien bniedem ta’ kuraġġ u ta’ fedeltà fil-missjoni tiegħu. Qatt ma beża’ jgħid il-kelma tal-verità anke lil min kien, dak iż-żmien, fil-poter. Lil Erodi kien jgħidlu ċar u tond: “Ma tistax iżżommha int il-mara ta’ ħuk.” U baqa’ jitkellem ċar anke meta tefgħu l-ħabs. Seta’ rraġuna mod ieħor. Seta’ qal Ġwanni l-Battista: u jien mhux aħjar naħseb għal rasi u nsalva ġildi? Mhux aħjar inħallih jagħmel li jrid? Imma hu baqa’ ċar fil-missjoni tiegħu sal-aħħar. Erodja ħasbet li jekk taqtagħlu rasu, billi dan kien bniedem jitkellem ħafna, se ssikktu. Imma fil-fatt, bil-martirju tiegħu, ix-xhieda ħarġet aktar qawwija. U jekk qawwi kien id-diskors tiegħu, qawwija kienet ix-xhieda li ta bil-martirju tiegħu.

Ġwanni l-Battista kien verament prekursur ta’ Ġesù. Mhux biss kien prekursur, iħejjilu t-triq, fil-ħajja bil-predikazzjoni, imma wkoll fil-mewt tiegħu. Għax Ġesù kellu jgħaddi mit-tbatija u l-mewt biex isalva lilna, proprju ħtija tal-mibegħda u ta’ dawk in-nies li riedu jwarrbuh u jsikktuh. Għalhekk Ġwanni huwa l-prekursur ta’ Ġesù fil-ħajja u fil-mewt tiegħu.

Illum qed nagħmlu t-tifkira ta’ Sant’Agata, li hi proprju fil-linja tan-nies, li taw xhieda tal-fidi tagħhom bil-martirju, billi nqatlu. Sant’Agata kienet għadha żgħira, għaddiet minn ħafna torturi, imma baqgħet tgħix bil-fedeltà sal-aħħar din ir-rabta tagħha ma’ Alla. Għalhekk hi eżempju sabiħ ukoll bix-xhieda li tat sal-aħħar.

Ġwanni l-Battista kien verament prekursur ta’ Ġesù. Mhux biss kien prekursur, iħejjilu t-triq, fil-ħajja bil-predikazzjoni, imma wkoll fil-mewt tiegħu.

Illum fid-dinja kollha hawn diversi martri bħal Sant’Agata u bħal San Ġwann il-Battista, diversi nies li jmutu minħabba l-fidi tagħhom. Fil-każ tagħna, it-tbatija tagħna tista’ tkun differenti – tkun tbatija jekk aħna rridu verament inkunu fidili lejn Alla u nagħtu xhieda tal-fidi tagħna bla biża’. Hemm iva, kultant ikollna wkoll tbatija biex nagħtu xhieda verament u bla biża’. Kultant issib min jgħid: “Imma dan sew, tagħmel it-tajjeb u taqlagħha fuq wiċċek? Din ħaġa tajba li tipprova tagħmel il-ġid u iktar issib kuntrarju?” Dażgur li mhux sew! Imma Ġesu għallimna li jekk aħna rridu verament nagħmlu t-tajjeb, nagħżlu t-tajjeb, se ngħaddu mit-tbatija. It-tbatija ħafna drabi hi l-prezz tal-ħidma tagħna għall-ġid, ta’ meta aħna nagħżlu lil Alla u nagħżlu dak li hu sewwa.

Nitolbuh illum, aħna u naraw l-eżempji sbieħ fl-Evanġelju u fit-tifkira li qed niċċelebraw, nitolbu lill-Mulej biex jagħtina l-kuraġġ, negħlbu l-biża’ fil-ħajja tagħna. Niftakru f’dak li smajna fil-kelma ta’ Alla stess illum, fl-Ittra lil-Lhud: “…nistgħu ngħidu b’qalbna qawwija: ‘Il-Mulej l-għajnuna tiegħi, jien ma nibżax; x’jista’ jagħmilli l-bniedem?’”

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju