• Valur importanti li jinsab anke fl-isem taż-ŻAK huwa propju l-azzjoni. Fl-istess ħin iż-ŻAK ma tistax tkun aljenata għar-realtajiet li tkun għaddejja minnhom is-soċjetà, u huma fuq dawn ir-realtajiet li trid tieħu azzjoni. Kien għalhekk li meta bdejna naħsbu għat-tema tal-kamp annwali tas-sajf, ma stajniex nagħlqu għajnejna għall-kriżijiet ambjentali kif ukoll soċjali li l-dinja hija għaddejja minnhom. Ħsibna li permezz ta’ Kamp Sajf kull membru mhux biss jagħraf x’inhuma l-problemi li s-soċjetà ta’ madwaru għaddejja minnhom, imma wkoll iħoss responsabbiltà u jieħu azzjoni biex jieħu ħsieb din id-dar komuni li lkoll ngħixu fiha.

    Fortunatament kellna għodda tajba f’idejna li setgħet isservina ta’ gwida u din kienet propju l-enċiklika tal-Papa Franġisku : Laudato Si – Dwar l-għożża tad-dar komuni.

    F’din l-enċiklika, il-Papa jiddiskuti t-tema tas-sostenibbiltà fil-ħolqien kollu, jiġifieri mhux biss f’li nieħdu ħsieb l-ambjent imma wkoll kif bl-għażliet tagħna nistgħu naffettwaw ir-relazzjonijiet man-nies ta’ madwarna, b’mod speċjali tal-persuni li qed ibatu jew jinsabu fil-faqar, in-natura, l-istil u l-kwalità ta’ ħajja u tant affarijiet oħra li jifformaw l-ambjenti li ngħixu fihom. Kien għalhekk li ħriġna bl-isem ta’ Æffect: Care of our common home, għaliex b’kull azzjoni tagħna, aħna nistgħu kemm naffettwaw (to affect) kif ukoll inħallu effett (effect).

    Fil-preparamenti li għaddejjin bħalissa qed nevalwaw; anke permezz t’għajnuna ta’ diversi individwi, kif nistgħu nkunu iktar sostenibbli billi nibdew minn dan il-Kamp Sajf stess, kif ukoll mill-komunitajiet tagħna fiż-ŻAK. Eżempju żgħir huwa kif innaqqsu l-ħela u billi nevalwaw x’prodotti qed nixtru. Permezz ta’ persuni li għamlu tibdiliet li forsi jidhru żgħar, iżda li qed iħallu effett pożittiv, ser inkunu qed ngħinu lill-membri li se jipparteċipaw f’Kamp Sajf jagħrfu li huwa possibbli li jagħmlu tibdiliet f’ħajjithom li jistgħu jgħinuhom jgħixu stil ta’ ħajja iktar sostenibbli. Apparti minn hekk il-gruppi diversi qed jippreparaw programm b’diversi temi inkluż l-ambjent u kif u għala għandna nieħdu ħsiebu, l-kummerċ ġust, ir-relazzjonijet ta’ bejnietna u r-rispett lejn id-dinjità umana.  

    Dan huwa biss l-ewwel pass għaliex it-tama tagħna hija li Kamp Sajf jimmbotta lil kull ŻAKker sabiex jagħraf x’hemm bżonn jagħmel fil-grupp tiegħu u flimkien “[…] nikkollaboraw biex nibnu d-dar komuni tagħna.” (Laudato Si, 13)

    Kamp Sajf, li qed jinamm fl-Iskola Sekondarja ta’ Ġad-Dingli,  beda fid-19 ta’Lulju u jintemm fit-28. 

    Miktub minn Franziska Grech, ZAK Leader