Fl-okkażjoni tad-59 anniversarju mit-twaqqif tal-Awtorità tax-Xandir, iċ-Chairman tal-Awtorità, is-Sur Frank V. Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri u l-Membri tal-Bord iltaqgħu mal-Arċisqof Charles Jude Scicluna, waqt laqgħa kordjali li saret fil-15 ta’ Ottubru 2020, fil-Kurja l-Furjana.

Matul il-laqgħa tkellmu dwar il-qagħda tal-istazzjonijiet u tax-xandir, kif ukoll dwar ir-rwol tar-regolatur f’soċjetà fejn il-midja dejjem qed tiżviluppa. Kien enfasizzat li l-Awtorità tax-Xandir qegħda hemm għall-ħarsien tal-interess pubbliku, tal-konsumaturi tal-midja u għall-protezzjoni tal-minuri u l-vulnerabbli. Għaldaqstant minkejja li tirregola ghandha responsabbilta li tara li l-midja qed taghti servizz u programmi ta’ kwalità, dan minkejja l-kritika li jkollha li mhijiex qed timxi maż-żminijiet.

L-Arċisqof tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ kwalità aħjar fix-xandir lokali, b’mod ġenerali kif ukoll dwar id-diffikultatijiet li ġabet magħha l-pandemija għall-midja minħabba li naqas ir-reklamar li fuqu jiddependu l-organizzazzjonijiet tal-media. Minkejja s-sitwazzjoni preżenti, il-Knisja baqghet tagħti s-servizz ta’ quddiesa kuljum u għal dan l-Arċisqof irringrazzja b’mod partikolari s-servizz ta’ xandir pubbliku għall-koperazzjoni li sab biex il-Quddiesa tasal fid-djar u b’hekk il-Knisja tkompli tkun ta’ servizz u ta’ sostenn għan-nies.