• Nhar it-Tnejn 16 ta’ Marzu l-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna għamel żjara ta’ korteżija lill- Onor. Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Simon Busuttil, fil-Parlament, il-Belt Valletta.

  • Messaġġ tal-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna lill-Onor. Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil

  • Il-Parlament

    16 ta’ Marzu 2015

    Onor. Dr Busuttil,

    Grazzi ħafna tal-laqgħa ġentili tiegħek, u tal-kliem li għedt. Inħoss li l-preżenza tiegħi f’din id-dar tal-istituzzjonijiet għeżież tagħna, b’mod speċjali tal-Parlament, hija wkoll omaġġ tal-Knisja ta’ Malta għas-servizz li jagħmlu l-politiċi Maltin. Għalija huwa wkoll ta’ garanzija għad-demokrazija, li nista’ niġi għand il-Kap tal-Oppożizzjoni li f’pajjiżna, fl-ispirtu demokratiku tagħna, jagħti standing ukoll lill-partiti li mhumiex fil-Gvern, imma li l-irwol tagħhom huwa essenzjali biex ikollna l-garanzija tal-libertà.

    Il-Knisja titlob il-libertà li tgħix, li tesprimi ruħha imma tifhem ukoll li l-Knisja f’Malta, il-Knisja Kattolika, bir-responsabiltà li għandha li jkun hawn spirtu ta’ djalogu mas-soċjetà wiesa, li jkun hawn ukoll spirtu apert għal ideat differenti u li lkoll nikkoperaw biex il-politiċi tagħna inkluż anke l-Oppożizzjoni, naħdmu għall-ġid komuni, għal ġid ta’ soċjetà li jippromovi d-drittijiet fundamentali ta’ kull ċittadin. Għalina din hija garanzija kbira. Imma irridu wkoll nippromovu il-futur tal-ġenerazzjonijiet futuri billi nieħdu ħsieb l-ekoloġija umana u dik ambjentali, li jkollna ħajja sabiħa u ħajja b’saħħitha, mhux biss issa imma anke għall-futur.

    Nifhem li d-deċiżjonijiet tagħna fuq diversi oqsma għandhom ikollhom dejjem responsabbiltà li tmur lil hemm mill-preżent, imma li tħares lejn l-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri. Nirringrazzjak ħafna tal-awgurju li wassaltli fil-bidu tal-ministeru tiegħi bħala Arċisqof ta’ Malta. Inti taf daqsi li l-missjoni li għandi ma nistax nagħmilha waħdi – għandi bżonn il-kooperazzjoni ta’ ħafna nies, b’mod speċjali l-Kattoliċi Maltin. Jiena nixtieq fil-persuna tiegħek, Dr Busuttil, insellem il-kontribut tal-Oppożizzjoni u nitlob li l-irwol tal-Oppożizzjoni jkun dejjem qawwi biex is-sens ta’ demokrazija tagħna jikber b’garanzija ta’ libertà għal kulħadd. Grazzi ħafna.

     Charles Jude Scicluna

       Arċisqof-elett ta’ Malta 

  • Ritratti: Photocity, Valletta.

    www.photocitymalta.com