L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Fit-talba li Ġesù għamel għad-dixxipli tiegħu fl-aħħar ċena, hu jgħid lill-Missier biex iżommhom taħt il-ħarsien tiegħu. Hemm f’din it-talba dak is-sens ta’ mħabba, ta’ kura, ta’ għożża, ta’ protezzjoni li Ġesù kellu mad-dixxipli tiegħu, u għalhekk jitlob lill-Missier:  “ħarishom f’ismek” dawn id-dixxipli.

Id-dixxipli kellhom bżonn li jħarishom il-Mulej. Mhux biss għax kienu se jgħaddu mill-esperjenza qarsa tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù; imma wara l-qawmien tiegħu u bl-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuqhom, setgħu jħossu dan il-ħarsien tal-Mulej, speċjalment meta kellhom jaffaċċjaw  sfidi, diffikultajiet u persekuzzjonijiet huma u jxandru l-Evanġelju.

Fit-talba, innutaw x’jgħid Ġesù. Jgħid: “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin”. It-talba ta’ Ġesù għad-dixxipli tiegħu ma kinitx li huma jaħarbu mid-dinja, mis-soċjetà, li jfittxu l-kenn għalihom jew għal rashom, imma li jkunu fil-qalba tad-dinja u hemm ikunu xhieda tiegħu u hemm iwasslu l-Evanġelju.

It-talba li Ġesù għamel għad-dixxipli jagħmilha għalina lkoll. Aħna għandna bżonn ħafna nitolbuh iżommna taħt il-ħarsien tiegħu. F’dan iż-żmien inħossuha ħafna din; imma f’kull żmien għandna bżonn li l-Mulej iżommna taħt il-ħarsien tiegħu. Nitolbuh, kif qal Ġesù, biex iħarisna mill-Ħażin. Kemm il-ħażin li ġieli nħossu fina stess biex ma nħalluhx jirkibna. Aħna lkoll midinbin u nafu kemm għandna bżonn nirċievu l-maħfra ta’ Alla. Nitolbuh il-grazzja biex il-ħażin ma jikkorompix qalbna, speċjalment biex ma nkunux lesti li niġġustifikaw lilna nfusna fil-ħażen, jiġfieri billi dak li hu ħażin insejħulu tajjeb ħalli nistgħu nkomplu nagħmlu l-ħażin f’ħajjitna. U nitolbuh iħarisna wkoll mill-ħażin ta’ madwarna.

It-talba li Ġesù jagħmel anke għalina hi: “Nitolbok biex ma twarrabhomx mid-dinja imma tħarishom mill-Ħażin”. Ma jitwarrbux mid-dinja. Li jitlob minna l-Mulej mhuwiex li aħna naħarbu ’l bogħod, li nfittxu r-refuġju tagħna billi ningħalqu għalina, ’il bogħod mis-soċjetà; imma biex bil-qawwa tiegħu, bl-għajnuna li jagħtina hu, nistgħu nkunu xhieda tiegħu u sinjal ta’ tama fis-soċjetà, fil-qalba tad-dinja.

Dik hi l-missjoni li tana Ġesù, u għal din isejħilna, u għal din jagħtina l-għajnuna. Għalhekk aħna li nemmnu fih ikollna fina din ix-xewqa li nimpenjaw ruħna fis-soċjetà, kulħadd skont il-possibiltajiet tiegħu, ikollna dan l-impenn fis-soċjetà fl-oqsma soċjali, politiku, kulturali, ekonomiku, fl-oqsma tal-komunikazzjoni – biex aħna hemmhekk inkunu sinjal ta’ tama. F’dawk l-oqsma nwasslu l-valuri li nemmnu fihom u nkunu wkoll dawk li nħeġġu l-bidla għall-aħjar. Għalhekk it-talba hi biex ma nitteħdux mill-ħażen, imma bl-għajnuna ta’ Alla nistgħu ndakkru s-soċjetà bit-tagħlim tal-Evanġelju, li hu tassew ta’ ġid għas-soċjetà.

Illum fil-quddiesa nitolbu lill-Mulej din il-grazzja. Nitolbuh biex iżommna taħt il-ħarsien tiegħu, iħarisna mill-Ħażin, u jgħinna wkoll biex ma naħarbux ’il bogħod mir-responsabbiltajiet tagħna fis-soċjetà imma nkunu nistgħu naqduh fil-qalba tad-dinja u hemm inkunu, kif jixtieqna hu, sinjal ta’ tama.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju