L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Beżqilhom mis-sunnara. Hekk jidher li għamel Ġesù fl-Evanġelju tal-lum lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu meta dawn għamlulu mistoqsija. Ġesù spiċċa biex ma weġibhomx, u huma baqgħu b’xiber imnieħer.

Ħa naraw ftit il-kuntest ta’ dan ir-rakkont, li jiġi ftit wara li Ġesù kien keċċa l-bejjiegħa mit-tempju, dik il-ġrajja li qajmet ferment sħiħ. Hawn jiġu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu fit-tempju, fejn Ġesù qed jgħallem, u jistaqsuh: inti b’liema setgħa qed tagħmel dan? Min tahielek din is-setgħa? Din il-mistoqsija hi mistoqsija importanti; hija bażika għall-Evanġelju. Imma dawn ma kinux qed jistaqsu lil Ġesu bis-sinċerità, biex ikunu jafu l-verità.

Ġesù, flok wieġeb – għax seta’ wieġeb b’mod ċar – għamlilhom hu mistoqsija dwar il-Magħmudija ta’ Ġwanni l-Battista. Hemm ħafna x’tifhem f’din il-mistoqsija ta’ Ġesù, għax jekk aħna mmorru lura għall-ġrajja meta Ġwanni l-Battista għammed lil Ġesù, hemmhekk dehret ċara ħafna l-awtorità ta’ Ġesù, is-setgħa li kellu li kienet ġejja mis-sema. U l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu, flok wieġbu bis-sinċerità, qagħdu jirraġunaw bejniethom u jgħidu: jekk ngħidu iva, jgħidilna hekk; jekk ngħidu le, jgħidilna hekk; mela ngħidulu li ma nafux.

Ġesu huwa ħaj, Ġesù hu l-Mulej, u għalhekk għandu l-awtorità, u jista’ tassew imexxina fit-triq tas-sewwa għax għandu din l-awtorità.

Ġesù spiċċa biex ma weġibx il-mistoqsija tagħhom, għaliex Ġesù ra n-nuqqas ta’ sinċerità fil-qalb tagħhom. Ara waqtiet oħra li nsibu fl-Evanġelju, Ġesù jwieġeb, jitkellem, jiddiskuti. Niftakru, pereżempju, il-ġrajja ta’ Ġesù ma’ Nikodemu – kemm kellmu ċar lil Nikodemu, kemm dan baqa’ jistaqsi. Imma Nikodemu bis-sinċerità kien qed jistaqsi, u Ġesù wieġbu. Hawnhekk ma kinux sinċiera, u għalhekk Ġesù ma weġibhomx. Kieku huma wieġbu d-domanda li għamel Ġesù dwar il-Magħmudija ta’ Ġwanni, waħedhom kienu jagħrfu b’liema setgħa Ġesù kien qed jagħmel dak li għamel.

X’inhu l-messaġġ tal-Evanġelju għalina llum? L-ewwel nett jisħaq fuq is-sinċerità tal-qalb. Meta niltaqgħu ma’ Alla fit-talb, nisimgħuh u nkellmuh, irridu nkunu sinċiera quddiemu għax Alla jara l-qalb, u Alla dejjem iweġeb dak li aħna nagħmlulu b’mistoqsija sinċiera fil-ħajja tagħna.

Imbagħad l-Evanġelju jurina kemm hu importanti li aħna nagħmlu dik il-mistoqsija li għamlu lil Ġesù, ħalli aħna jkollna ċar f’moħħna b’liema awtorità, b’liema setgħa Ġesù qed jitkellem u qed jagħmel dan kollu. Din is-setgħa ħarġet b’mod ċar ħafna fil-Magħmudija ta’ Ġesù, meta nstema’ dak il-leħen tal-Missier jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż li fih sibt l-għaxqa tiegħi”. Ġesù hu l-Mulej. Hu Alla li sar bniedem, u għalhekk għadu l-awtorità li mhix ġejja mill-bnedmin imma hija l-awtorità ta’ Alla.  Din tagħmel differenza. Għax aħna nistgħu nħarsu lejn Ġesù bħala figura storika, bniedem li għex fl-imgħoddi, li kellu l-kapaċità kif jitkellem, li kien jagħmel ħafna ġid, li għal xi żmien kien ukoll popolari man-nies, imma figura tal-imgħoddi. Mhux dan il-mod kif aħna għandna nħarsu lejn Ġesù. Ġesu huwa ħaj, Ġesù hu l-Mulej, u għalhekk għandu l-awtorità, u jista’ tassew imexxina fit-triq tas-sewwa għax għandu din l-awtorità.

San Ġwann tas-Salib għaraf dan. Għalih Alla kien kollox. Kien jagħmel l-esperjenza ta’ dak li għedna fis-Salm: “Int Alla tas-salvazzjoni tiegħi”. Alla kien għalih l-għajn tal-imħabba, l-għajn tat-tiġdid. Għalhekk nitolbu llum lill-Mulej, bl-interċessjoni ta’ San Ġwann tas-Salib, biex aħna nersqu lejh bis-sinċerità tal-qalb, nagħrfuh bħala l-Mulej li għandu l-awtorità biex imexxina fit-triq tas-sewwa u jimla l-qalb tagħna bl-akbar imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju