Il-Messaġġ tal-Papa Franġisku

“Biex ixxandar u ssamma’ f’widnejn ibnek u wlied ibnek” (Eż 10:2).

Nixtieq niddedika l-Messaġġ ta’ din is-sena lit-tema tan-narrazzjoni, ir-rakkont, għax nemmen li biex ma nintilfux għandna bżonn in-nifs tal-verità tal-istejjer tajbin: stejjer li jibnuna, u mhux li jeqirdu; stejjer li jgħinuna nerġgħu nsibu l-għeruq tagħna u l-qawwa biex nimxu flimkien ’il quddiem. Fil-konfużjoni tal-ilħna u tal-messaġġi li għandna madwarna, għandna bżonn ta’ narrazzjoni umana, li tkellimna dwarna nfusna u dwar is-sabiħ li hemm ġo fina. Narrazzjoni li taf tħares lejn id-dinja u l-ġrajjiet tagħha bi ħlewwa; li tirrakkonta li aħna parti minn nisġa ħajja; li tikxef in-nisġa tal-ħjut li bihom aħna marbuta ma’ xulxin.

Ninsġu stejjer

Il-bniedem hu ħlejqa li tħobb tirrakkonta. Sa minn ċkunitna aħna mġewħa għall-istejjer l-istess kif aħna mġewħa għall-ikel. Ikunu f’liema għamla jkunu, ħrejjef, rumanzi, films, kanzunetti, aħbarijiet…, l-istejjer jinfluwenzaw il-ħajja tagħna, imqar jekk ma nintebħux b’dan. Spiss niddeċiedu x’inhu tajjeb jew żbaljat skont il-persunaġġi u l-istejjer li nkunu smajna. Ir-rakkonti jħallu marka fina, jagħġnu l-konvinzjonijiet tagħna u kif inġibu ruħna, jistgħu jgħinuna nifhmu u ngħidu min aħna.

Il-bniedem mhuwiex biss l-unika ħlejqa li għandha bżonn tal-ħwejjeġ biex tgħatti l-vulnerabbiltà tagħha (ara Ġen 3:21), imma huwa wkoll l-uniku wieħed li għandu bżonn jirrakkonta, “jitgħatta” bi stejjer biex jista’ jħares il-ħajja tiegħu. Ma ninsġux biss ħwejjeġ, imma anki rakkonti; fil-fatt, il-ħila umana li “ninsġu” twassal kemm għal tessuti, u kemm għal testi. L-istejjer ta’ kull żmien għandhom “tili” komuni: l-istruttura tipprevedi “eroj”, anki fil-ħajja ta’ kuljum, li biex jiġru wara ħolma jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet diffiċli, jitqabdu kontra l-ħażen b’qawwa li tagħmilhom kuraġġjużi, dik tal-imħabba. Meta nsiru parti minn dawn l-istejjer, nistgħu nsibu mill-ġdid motivazzjonijiet erojċi biex naffrontaw l-isfidi tal-ħajja.

Il-bniedem hu ħlejqa li tirrakkonta għax hi ħlejqa fil-proċess li ssir xi ħaġa iktar, li tiskopri lilha nfisha u tistagħna fin-nisġa ta’ jiemha. Imma, sa mill-bidu, ir-rakkont tagħna kien taħt theddida: fl-istorja hemm iserrep il-ħażen.

Mhux l-istejjer kollha huma tajbin

“Jekk tiekol, issir bħal Alla” (ara Ġen 3:4): it-tentazzjoni tas-serp iddaħħal fin-nisġa tal-istorja għoqda iebsa li diffiċli tinħall. “Jekk ikollok il-ġid, issir, tilħaq…”, għadu jpespes illum ukoll min jinqeda bl-hekk imsejjaħ storytelling għal skopijiet strumentali. Kemm stejjer jilluppjawna, għax jippruvaw jikkonvinċuna li biex inkunu kuntenti għandna bżonn il-ħin kollu li jkollna, li nippossedu, li nikkunsmaw. Kważi ma nintebħux kemm insiru rgħiba fit-tqassis u t-tpaċpiċ vojt, kemm vjolenza u qerq nikkunsmaw. Spiss fuq it-tili tal-komunikazzjoni, flok rakkonti kostruttivi, li fuqhom jixxierku r-rabtiet soċjali u t-tessut kulturali, jinħolqu stejjer qerrieda u provokatorji, li jherru u jqattgħu l-ħjut dgħajfa tal-konvivenza. Meta niġbru flimkien informazzjoni li ma tkunx ġiet ivverifikata, nirrepetu diskorsi banali u persważivi b’mod qarrieq, u nippruvaw nolqtu b’dikjarazzjonijiet ta’ mibegħda, ma nkunux ninsġu l-istorja umana, imma nneżżgħu lill-bniedem mid-dinjità tiegħu.

Imma waqt li l-istejjer użati għal fini strumentali u ta’ poter għandhom ħajja qasira, storja tajba kapaċi taqbeż il-ħitan tal-ispazju u ż-żmien. Sekli wara, tibqa’ attwali, għax tagħti l-ħajja.

Fi żmien meta l-falsifikazzjoni dejjem qed issir iktar sofistikata, u tilħaq livelli esponenzjali (id-deepfake), għandna bżonn tal-għerf biex nilqgħu u noħolqu rakkonti sbieħ, veri u tajbin. Għandna bżonn tal-kuraġġ biex inwarrbu dawk qarrieqa u ħżiena. Għandna bżonn tas-sabar u d-dixxerniment biex niskopru mill-ġdid stejjer li jgħinuna ma nitilfux dik il-ħajta li tgħaqqad flimkien it-tant ġerħat tal-lum; stejjer li jixħtu dawl fuq il-verità ta’ dak li aħna, imqar fl-erojċità injorata tal-ħajja ta’ kuljum.

L-Istorja tal-istejjer kollha

L-Iskrittura Mqaddsa hija Storja ta’ stejjer. Kemm ġrajjiet, ġnus, persuni tippreżentalna! Hi sa mill-bidu turina Alla li hu ħallieq u fl-istess ħin narratur. Fil-fatt hu jlissen il-Kelma tiegħu u l-ħwejjeġ jibdew jeżistu (ara Ġen 1). Permezz tan-narrazzjoni tiegħu Alla jsejjaħ kollox għall-ħajja u, fil-quċċata, joħloq lir-raġel u lill-mara bħala persuni ħielsa li magħhom jista’ jikkomunika, li joħolqu l-istorja flimkien miegħu. Hemm Salm li fih il-ħlejqa tirrakkonta lill-Ħallieq: “Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi, u f’ġuf ommi inti nsiġtni. Irroddlok ħajr, għax b’mod tal-għaġeb għamiltni […]. Ma kienx moħbi għadmi minnek, meta kont qiegħed insir fis-satra u nintiseġ fil-qigħan tal-art” (139:13-15). Ma twelidniex lesti minn kollox, imma għandna bżonn li niġu dejjem “minsuġa”. Il-ħajja ngħatatilna bħala stedina biex inkomplu ninsġu dak il-“mod tal-għaġeb” li bih ġejna maħluqa.

F’dan is-sens il-Bibbja hija l-istorja kbira tal-imħabba bejn Alla u l-bniedem. Fiċ-ċentru hemm Ġesù: l-istorja tiegħu twassal għall-milja tagħha l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem u fl-istess waqt ukoll l-istorja ta’ mħabba tal-bniedem għal Alla. U hekk il-bniedem jiġi msejjaħ, minn nisel għal nisel, jirrakkonta u jżomm ġo moħħu l-episodji l-aktar sinifikattivi ta’ din l-Istorja ta’ stejjer, dawk li jistgħu jgħaddu lil dawk li għad jiġu warajh it-tifsira vera ta’ dak li seħħ.

It-titlu ta’ dan il-Messaġġ hu meħud mill-ktieb tal-Eżodu, rakkont bibliku fundamentali li jurina kif Alla jidħol fl-istorja tal-poplu tiegħu. Fil-fatt, meta wlied Iżrael jgħajtulu mill-jasar tagħhom, Alla jisma’ u jiftakar: “U Alla sama’ l-krib tagħhom u ftakar fil-patt tiegħu ma’ Abraham, ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb. Alla xeħet ħarstu fuq ulied Iżrael u ra f’liema stat kienu” (Eż 2:24-25). Mill-memorja ta’ Alla joħroġ il-ħelsien mit-tiġrib, li jseħħ permezz ta’ sinjali u għeġubijiet. U hawn il-Mulej jgħaddi lil Mosè t-tifsira ta’ dawn is-sinjali kollha: “biex ixxandar u ssamma’ f’widnejn ibnek u wlied ibnek […] is-sinjali li jien għamilt ġo nofshom, sabiex tkun tafu li jien il-Mulej” (Eż 10:2). L-esperjenza tal-Eżodu tgħallimna li l-għarfien ta’ Alla jgħaddi fuq kollox billi nirrakkontaw, minn nisel għal nisel, kif hu jissokta bil-preżenza tiegħu f’nofsna. Alla tal-ħajja ngħadduh lil xulxin billi nirrakkontaw il-ħajja.

Ġesù stess tkellem fuq Alla mhux b’diskorsi astratti, imma bil-parabboli, rakkonti qosra, meħudin mill-ħajja ta’ kuljum. Hawn il-ħajja ssir storja u mbagħad, għas-semmiegħ, l-istorja ssir ħajja: dik in-narrazzjoni tidħol fil-ħajja ta’ min jismagħha u tibdilha.

Anki l-Vanġeli, mhux b’kumbinazzjoni, huma rakkonti. Waqt li jinfurmawna fuq Ġesù, f’att “performattiv”[1] iwaħħduna ma’ Ġesù: il-Vanġelu jitlob mill-qarrej li jieħu sehem fl-istess fidi biex jaqsam fl-istess ħajja. Il-Vanġelu ta’ Ġwanni jgħidilna li n-Narratur per eċċellenza – il-Verb, il-Kelma – sar narrazzjoni: “Għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1:18). Uża t-terminu “għarraf”, irrakkonta, għax l-oriġinal exeghésato jista’ jiġi tradott kemm “irrivelat” u kemm “irrakkontat”. Alla ntiseġ hu stess fl-umanità tagħna, u hekk tana mod ġid kif ninsġu l-istejjer tagħna.

Storja li tiġġedded

L-istorja ta’ Kristu mhijiex wirt tal-imgħoddi, hija l-istorja tagħna, dejjem attwali. Hi turina li Alla għandu għal qalbu lill-bniedem, il-laħam ta’ ġisimna, l-istorja tagħna, tant li sar bniedem, laħam u storja. Tgħidilna wkoll li ma jeżistux stejjer umani insinifikanti jew żgħar. Wara li Alla sar storja, kull storja umana hi, f’ċertu sens, storja divina. Fl-istorja ta’ kull bniedem il-Missier jerġa’ jilmaħ l-istorja ta’ Ibnu li niżel fuq din l-art. Kull storja umana għandha dinjità li ħadd ma jista’ jxejjen. Għalhekk l-umanità jixirqilha rakkonti li jkunu tal-livell tagħha, dak il-livell tal-għaġeb u affaxxinanti li Ġesù refagħha għalih.

“Intom”, jikteb San Pawl, “tidhru li intom l-ittra ta’ Kristu fdata f’idejna, miktuba mhux bil-linka, imma bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj; mhux fuq it-twavel tal-ġebel, iżda fuq it-twavel tal-laħam ta’ qalbkom” (2 Kor 3:3). L-Ispirtu s-Santu, l-imħabba ta’ Alla, qed jikteb fina. U b’dak li jikteb fina hu qed iqiegħed f’qalbna t-tajjeb, ifakkarhulna. Tfakkar fil-fatt ifisser twassal fil-qalb (re-cordare), “tikteb” fuq il-qalb. Bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, kull storja, imqar dik l-iżjed minsija, imqar dik li tidher miktuba fuq il-linji l-aktar mgħawġa, tista’ ssir imnebbħa, biex titwieled mill-ġdid bħala kapulavur, issir appendiċi tal-Vanġelu. Bħall-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin. Bħar-Rakkont tal-Pellegrin ta’ Injazju. Bħall-Istorja ta’ Ruħ ta’ Tereżina ta’ Ġesù Bambin. Bħall-Promessi Sposi, bħal L-Aħwa Karamazov. Bħal għadd bla qies ta’ stejjer oħra, li b’mod tal-għaġeb urewna l-laqgħa bejn il-libertà ta’ Alla u dik tal-bniedem. Kull wieħed u waħda minna jaf bosta stejjer li għandhom fwieħa ta’ Vanġelu, li taw xhieda tal-Imħabba li tibdel il-ħajja. Dawn l-istejjer jixirqilhom li naqsmuhom, nirrakkontawhom, ngħixuhom f’kull żmien, b’kull lingwaġġ, b’kull mezz possibbli.

Storja li ġġeddidna

F’kull rakkont kbir jidħol fin-nofs ir-rakkont tagħna. Aħna u naqraw l-Iskrittura, l-istejjer tal-qaddisin, u anki dawk it-testi li għarfu jaqraw ir-ruħ tal-bniedem u joħorġu għad-dawl il-ġmiel tagħha, l-Ispirtu s-Santu għandu l-libertà li jikteb fil-qalb tagħna, iġedded fina l-memorja ta’ dak li aħna f’għajnejn Alla. Meta niftakru fl-imħabba li ħalqitna u salvatna, meta nqiegħdu l-imħabba fl-istejjer tagħna ta’ kuljum, meta ninsġu bil-ħniena l-ħjut ta’ jiemna, allura nkunu ndawru paġna ġdida. Ma nibqgħux iżjed imwaħħla fid-dispjaċir u fin-niket, marbuta ma’ memorja marida li żżomm lil qalbna lsira, imma ninfetħu għall-oħrajn, u hekk ninfetħu għall-istess viżjoni tan-Narratur. Qatt mhu għalxejn li nirrakkuntaw l-istorja tagħna lil Alla: imqar jekk il-kronaka tal-ġrajjiet tibqa’ l-istess, jinbidlu s-sens u l-perspettiva. Meta nirrakkuntaw lill-Mulej inkunu nidħlu fil-ħarsa tiegħu ta’ mħabba ħanina lejna u lejn l-oħrajn. Lilu nistgħu nirrakkontawlu l-istejjer li ngħixu, irressqulu l-persuni, nafdawlu s-sitwazzjonijiet. Miegħu nistgħu nħitu mill-ġdid in-nisġa tal-ħajja, inħitu mill-ġdid fejn tqatta’ u ċċarrat. Kemm għandna bżonn ta’ dan, kollha kemm aħna!

Bil-ħarsa tan-Narratur – l-uniku wieħed li għandu l-perspettiva finali – imbagħad nersqu lejn il-protagonisti, lejn ħutna, atturi flimkien magħna tal-istorja tal-lum. Iva, għax ħadd mhu attur sekondarju fix-xenarju tad-dinja u l-istorja ta’ kull persuna hi miftuħa għall-possibbiltà ta’ bidla. Imqar meta nirrakkuntaw il-ħażen, nistgħu nitgħallmu nħallu wisa’ għall-fidwa, imqar qalb il-ħażen nistgħu nagħrfu d-dinamiżmu tat-tajjeb u nagħmlulu wisa’.

Għalhekk m’aħniex nitkellmu fuq li nimxu bil-loġika tal-istorytelling, lanqas fuq kif nagħmlu jew insiru pubbliċità, imma fuq kif nagħmlu memorja ta’ dak li aħna f’għajnejn Alla, kif nagħtu xhieda ta’ dak li l-Ispirtu jikteb fil-qlub, kif nuru lil kulħad li l-istorja tiegħu fiha ħwejjeġ tal-għaġeb. Biex nistgħu nagħmlu dan, ejjew nafdaw ruħna f’idejn mara li nisġet l-umanità ta’ Alla fil-ġuf tagħha u, jgħidilna l-Vanġelu, nisġet flimkien dak kollu li seħħ f’ħajjitha. Fil-fatt il-Verġni Marija kollox għożżot, billi qagħdet taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha (ara Lq 2:19). Nitolbuha tgħinna, hi li għarfet tħoll l-għoqiedi tal-ħajja bil-qawwa umli tal-imħabba:

O Marija, mara u omm, int insiġt f’ġufek il-Kelma divina, int b’ħajtek irrakkuntajt l-għeġubijiet ta’ Alla. Agħti widen għall-istejjer tagħna, ħarishom fil-qalb tiegħek u agħmel tiegħek ukoll dawk l-istejjer li ħadd ma jrid jisma’. Għallimna nagħrfu dik il-ħajta tajba li tmexxi l-istorja. Ara kemm kotru l-għoqiedi li fihom tħabblet ħajjitna, hekk li l-memorja tagħna spiċċat ipparalizzata. Kull għoqda tista’ tinħall mill-idejn delikati tiegħek. Mara tal-Ispirtu, Omm tal-fiduċja, nebbaħ lilna wkoll. Għinna nsawru stejjer ta’ paċi, stejjer ta’ futur. U urina t-triq biex nimxuhom flimkien.

Mogħtija Ruma, f’San Ġwann Lateran, Tifkira ta’ San Franġisk de Sales

Franciscus


[1] Ara Benedittu XVI, Enċiklika Spe salvi, 2: “Il-messaġġ Nisrani mhuwiex biss ‘informattiv’, iżda ‘performattiv’. Dan ifisser: il-Vanġelu mhuwiex biss komunikazzjoni ta’ ħwejjeġ li wieħed jista’ jsir jafhom, iżda huwa komunikazzjoni li tipproduċi l-fatti u tbiddel il-ħajja”.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard