****

Direttur:          Sam Mendes

Atturi:              George MacKay, Dean-Charles Chapman, Mark Strong, Andrew Scott, Richard Madden, Claire Duburoq, Colin Firth u Benedict Cumberbatch

Ħin tal-Film:    119 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

Fl-eqqel tal -Ewwel Gwerra Dinjija, fir-Rebbiegħa tas-sena 1917, fit-tramuntana ta’ Franza, żewġ suldati Brittaniċi, Lance Corporal William Schofield u Lance Corporal Tom Blake jingħataw missjoni importanti ħafna biex jgħaddu messaġġ bl-idejn lil Kurunell tat-Tieni Reġiment Devonshire, Mackenzie biex iwaqqaf l-attakk ippjanat fuq il-Ġermaniżi.  Minn informazzjoni li kienet waslet, kien jidher biċ-ċar li l-Ġermaniżi kienu ħejjew nasba hekk kif dehru li rtiraw minn Hindenberg Line iżda bil-għan li jagħmlu nasba lill-battaljun ta’ 1600 suldat Ingliż b’riżultat li kien hemm kull possibiltà li mijiet minnhom jinqatlu jekk jidħlu f’din in-nasba.

Fost dawn kien hemm ħu Blake stess. Scholfield u Blake għarfu l-importanza tal-missjoni li tħalla f’idejhom. Għalhekk bla telf ta’ żmien ħarġu b’kuraġġ kbir mit-trunċiera li kienu jinsabu fiha biex jaslu bla telf ta’ żmien fil-front Ġermaniż li fil-fatt meta jaslu hemm isibuh abbandunat għal kollox. Sfortunatament it-trunċieri li ħallew warajhom il-Ġermaniżi kienu kollha bil-bombi moħbija lesti li jesplodu meta xi ħaġa tmiss magħhom. Fil-fatt waħda minn dawn kważi qatlet lil Schofield u kien Blake li kien kapaċi joħorġu mit-tifrik li sab ruħu fih.

Meta wara ftit ħin jaslu f’razzett abbandunat, jaraw ġlieda fl-ajru bejn żewġ ajruplani Ingliżi kontra ieħor Ġermaniż. Ftit wara, l-ajruplan Ġermaniż jintlaqat u jinżel eżatt fejn kienu huma li b’xorti tajba ħelsuħa ħafif.  Il-pilota Ġermaniż jiġi salvat mill-ajruplan jaqbad iżda waqt dan l-attentat il-pilota Ġermaniż jinfed b’sikkina lil Blake b’mod fatali. Schofield ma kellux għażla oħra ħlief li joqtol lill-pilota Ġermaniż u jipprova jikkonforta lil Blake li ftit wara miet.

Schofield issa sab ruħu wahdu. X’jista’ jagħmel wahdu? B’xorti tajba, kontinġent Brittaniku li kien għaddej minn fejn kien Schofield u li sar jaf bil-missjoni delikata u importanti  li kellu, offrew li jwassluh sa Ecoust-Saint-Mein, villaġġ. X’jiġri minn hawn? Tgħid jirnexxielu b’xi mod jew ieħor iwettaq il-missjoni li kellha tevita mewta ċerta għal tant suldati Ingliżi?

Film dwar ġrajja ta’ qlubija ta’ żewġ suldati erojċi Brittaniċi fl-eqqel tal-Ewwel Gwerra Dinjija, b’missjoni delikata afdata f’idejhom u li kellha ssalva tant ħajjiet. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Sam Mendes, b’kitba tiegħu stess flimkien ma’ Krysty Wilson-Cairns. Minħabba vjolenza u ġlied imdemmi, kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li ghalqu l-ħmistax-il sena.