Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Università ta’ Malta fetħu l-bibien lejn futur ta’ kollaborazzjoni wara li ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim.
Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, qal li “permezz ta’ kultura ta’ sehim u t-twessigħ tal-orizzonti tagħna, nistgħu nħarsu lejn kollaborazzjoni bħal din bejn l-Università ta’ Malta u sit ta’ wirt dinji bħall-Konkatidral ta’ San Ġwann bħala waħda progressiva u bħala mezz biex tintuża l-kompetenza sabiex intejbu l-għarfien tagħna dwar monumenti bħal dawn.”
Hu kompla jgħid li “permezz ta’ din is-sħubija, issa nistgħu nitgħallmu u niskopru aktar dwar din il-binja maestuża u fl-istess ħin ċert li l-istudenti fl-Università se japprezzaw aktar dan il-monument meta jkunu hawnhekk. Pajjiżna huwa mogħni bi storja u kultura rikka, u permezz ta’ kollaborazzjoni ta’ dan it-tip qegħdin inħeġġu li jikber aktar l-għarfien tal-istorja tagħna.”
Wilfrid Buttigieg, President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, spjega li “dan huwa mument storiku, li qed iwitti t-triq għat-trasformazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann f’ċentru ta’ riċerka kemm għall-akkademiċi kif ukoll għall-istudenti. Qed insejħulu storiku għax huwa biss biż-żmien li nistgħu napprezzaw il-frott ta’ dan il-bidu ġdid…