-
-
L-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Mario Grech ħejjew linji-gwida għas-saċerdoti, għall-applikazzjoni ta’ Kapitlu Tmienja tal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku Amoris Lætitia (Il-Ferħ tal-Imħabba). Dan il-kapitlu hu stedina għall-ħniena u għad-dixxerniment pastorali quddiem diversi realtajiet soċjali ta’ żmienna.
L-Isqfijiet jispjegaw li dawn il-linji-gwida huma intenzjonati li jsieħbu fit-triq tat-tfittxija lil dawk il-persuni li jixtiequ jaqraw l-istorja ta’ ħajjithom fid-dawl ta’ Ġesù. “Dan jgħodd ukoll għall-koppji u l-familji li jinvolvu persuni separati jew divorzjati u li llum qegħdin f’rabta ġdida. Uħud minn dawn il-persuni, għalkemm tilfu l-ewwel żwieġ, ma tilfux it-tama tagħhom f’Ġesù. Fosthom insibu min jixtieq ħafna jkun f’paċi ma’ Alla u mal-Knisja, tant li qed jistaqsina x’għandu jagħmel biex ikun jista’ jqerr u jitqarben”. L-Isqfijiet jistiednu lil min jinsab f’xi qagħda bħal din u jixtieq għajnuna biex ikompli jdawwal il-kuxjenza tiegħu, ħalli jfittex saċerdot li jakkumpanjah.