-
-
Qari tal-jum
-
L-Ewwel Qari: Eżodu 20, 1-17
Salm: 18 (19), 8.9.10.11L-Evanġelju: Mt 13, 18-23
-
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija.
Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-Kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ, imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-Kelma, u malajr jitfixkel.
Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-Kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-Kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott.
Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-Kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin”.
Qaddisin tal-jum: San Ġwakkin u Sant’Anna, Ġenituri tal-Imqaddsa Verġni Marija