-
-
Il-Knisja f’Malta hija mnikkta bit-traġedji umani li qed iseħħu madwarna fil-baħar Meditteran. In-Nisrani konvint ma jistax jibqa’ indifferenti quddiem dak li qed jiġri lil tant bnedmin li, bit-tama li jfittxu ħajja aħjar, qed jispiċċaw jitilfu l-ikbar rigal li tagħna Alla, il-ħajja. L-Arċisqof Charles J. Scicluna ddeskriva ritratt xokkanti li qed jiċċirkola fil-media, tal-ġisem mejjet ta’ tifel b’idejħ miftuħin fuq ix-xtut Libjani, bħala “l-kurċifiss modern”. Quddiem din ix-xbieha li tirrappreżenta r-realtà kiefra li eluf ta’ immigranti qed jaffaċċaw, ħadd ma jista’ jibqa’ passiv, la l-mexxejja Ewropej u dawk dinjija, u lanqas aħna l-Insara li msejħin nitolbu biex l-imħabba u l-ħniena li wera Alla lejna bis-salib ta’ Ġesù, jifdu lil dawn ħutna mis-salib tal-mewt fuq il-baħar.