Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Rum 8:12-17
Salm: 67 (68):2 u 4,6-7ab,20-21
L-Evanġelju: Lq 13:10-17
Darba s-Sibt, Ġesù kien qiegħed jgħallem f’waħda mis-sinagogi. U kien hemm mara li kienet ilha tmintax-il sena bi spirtu li kien imarradha; kienet milwija ħafna, u ma kinitx tista’ tieqaf dritta għalkollox.
Kif raha Ġesù sejħilha u qalilha: “Mara, inti meħlusa mill-mard tiegħek.” U qegħdilha jdejh fuqha, u minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla. Qabeż il-kap tas-sinagoga, b’saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f’jum is-Sibt, u qal lin-nies: “Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejqu, u mhux is-Sibt.”
“Uċuħ b’oħra,” wieġbu l-Mulej: “Mhux kull wieħed minnkom f’jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih? U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-Xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?”
Kif qal hekk, kull min kien kontra tiegħu regħex bil-mistħija; iżda n-nies ilkoll ferħu għal dawk l-għeġubijiet kollha li kien qiegħed jagħmel.