Il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi – Festa
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ġen 15:1-6; 21:1-3
Salm: 104 (105):1b-2,3-4,5-6,8-9
It-Tieni Qari: Lhud 11:8,11-12,17-19
L-Evanġelju: Lq 2:22-40
Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej: “Kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej” – u biex joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġ bċieċen, kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-polpu tiegħek Iżrael.”
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”
Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.
Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.