Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Dan 13:1-9,15-17,19-30,33-62
Salm: 22 (23):1-3a,3b-4,5,6
L-Evanġelju: Ġw 8:1-11
F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom.
Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. ssa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?” Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh. Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.” U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab.
Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ, u Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?” “Ħadd, Sinjur,” qaltlu. Qalilha Ġesù: “Mela anqas jien ma nikkundannak. Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.”