• **

    Direttur: Burr Steers
    Atturi: Lily James, Sam Riley, Bella Heathcoate, Jack Huston
    Ħin: 108 minuti
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited
    Klassifika tal-Gvern: 15

    Klassifika tal-Knisja: 18
    Il-koppja Bennet jgħixu f’dar kbira fil-kampanja; għandhom ħamest itfal bniet, u l-iktar ħaġa mportanti għalihom hi li jżewġuhom lill-irġiel li huma tat-tajjeb u li għandhom pożizzjoni tajba fis-soċjeta’. It-tieni tifla, Elizabeth jew Lizzy, għandha ħila kbira biex tosserva b’mod kritiku d-diversi żgħażagħ li jridu jiżżewġuha, fosthom Charles Bingley, Parson William Collins, u George Wickham. Dawn it-tfajliet tal-familja Bennet, minflok joqgħodu jaħdmu s-suf joqgħodu jnaddfu il-pistoli u jsinnu x-xwabel, u taħt id-dbielet tagħhom iġorru stalletti, għax kif jgħid missierhom, dawn it-tfajliet huma mħarrġin għal gwerra u mhux għal kċina. Iżda mbagħad tfaqqa’ pesta qerrieda li tqajjem ħafna zombies, mejtin li jqumu u jibdew jieklu l-bnedmin. L-Ingilterra tintela’ b’dawn iż-żombies u jittellgħu fortifikazzjonijiet ma’ kullimkien biex jilqgħu għal din l-epidemija. It-tfajliet ingliżi, inklużi dawk ta’ Bennet, jintbgħatu ċ-Ċina biex jitgħallmu l-arti marzjali u kif jiġġieldu bix-xwabel. Waqt li tkun għaddejja din il-gwerra kontra ż-zombies, Lizzie tiltaqa’ ma’ Fitzwilliam Darcy, żgħażugħ li jkun irid jiżżewwiġha; l-arroganza tiegħu timbuttha, imma timpressjonha l-ħila li jkollu biex jgħallaq u jaqta’ l-irjus taż-zombies.
    Film drammatiku u tal-biża’, ibbażat fuq ir-rumanz ta’ Jane Austin u l-ktieb ta’ Seth Grahame-Smith. Fil-fatt, il-film, għalkemm fl-ewwel parti jimxi ħafna fuq “Pride and Prejudice”, ir-rumanz ċelebri ta’ Jane Austin, rumanz romantiku ambjentat f’Ingilterra tat-tmintax il-seklu, aktar tard idaħħal iż-zombies fin-nofs, u din it-taħlita ma tantx toqgħod tajjeb flimkien. Il-film fih xeni ta’ vjolenza u dmija, parodija tad-demm ta’ Kristu, u xi kliem doppju sens. Jgħodd għal udjenza adulta’.