-
-
Direttur: Ramin Bahrani
Atturi: Dennis Quaid, Zac Efron, Kim Dickens, Heather Graham, Clancy Brown u Ben Martin
Ħin tal-Film: 105 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Henry Whipple, bniedem ambizzjuż, jieħu ħsieb madwar 3,500 ejker ta’ art u fl-istess waqt jirrapreżenta l-kumpanija Liberty Seed li tbiegħ żerriegħa modifikata ġenitakament. Wiret dan in-negozju mill-familja tiegħu li għal ħafna snin bil-mod il-mod kabbru n-negozju għal dak li kien jinsab illum. Henry dejjem kien jixtieq li dak li wiret hu, jgħaddih lill-uliedu iżda jidher li ż-żewġ subien li kellu ma tantx dehru ħerqana li jkomplu dan ix-xogħol. Il-kbir kien jinsab imsiefer ġewwa l-Arġentina, waqt li ż-żgħir kien moħħu fis-sewqan tal-karozzi veloċi. Henry kien jieħu kull opportunita’ li jkabbar in-negozju tiegħu tant li anke waqt funeral ta’ wieħed mill-ġirien, waqt li esprima s-sogħba tal-mewt lill-familja, fl-istess waqt jagħmel proposta biex hu jixtri l-proprjeta’ tal-mejjet. It-tliet karattri li niltaqgħu magħhom fil-film huma l-oppost ta’ xulxin. Henry jidher li xejn ma kien onest tant li anke ħoloq tilwima mal-kumpanija Liberty Seeds, barra wkoll li r-relazzjoni ma’ dawk ta’ madwaru, minħabba l-fatt li kien ambizzjuż, xejn ma kien jinżel tajjeb magħhom. Kien bniedem li jaf juri żewġ uċuh. Dean, il-ġuvnott li baqa’ d-dar, xejn ma kien jaqbel ma’ missieru tant li għamilha ċara miegħu li ma xtaqx li jkompli n-negozju hu anżi ried ta’ bil-fors li jipprova xortih fis-sewqan tal-karozzi NASCAR. Min-naħa l-oħra, joħrog tajjeb il-karattru tal-mara ta’ Henry, Meredith, mara bieżla, paċenzjuża u fidila lejn żewġha anke meta kienet taf li kien qiegħed jaqlibilha ma’ mara oħra. It-tifel il-kbir li qatt ma jidher fil-film u nsiru nafuh permezz ta’ kartolini li kien jibgħat mill-Arġentina fejn kien mar jixxabbat mal-muntanji, b’inqas ħsieb li xi darba jieħu responsabilta’ tan-negozju ta’ missieru. X’jiġri meta Dean ikollu disfatta kbira f’waħda mit-tiġrijiet li kellu u Henry jibda jkun investigat mill-kumpanija li prova jqarraq biha? X’sejra tkun ir-reazzjoni ta’ Henry u ta’ Dean? X’jiġri meta Dean, fis-saħna tal-mument, jmur jiffaċċja lil dawk li ħaseb kienu responsabbli għal din l-investigazzjoni?
Film Amerikan li ħareġ fis-sena 2012, taħt id-direzzjoni ta’ Ramin Bahrani. Hu film li ġġagħlek taħseb għaliex jittratta każ morali u ta’ etika fi żmienha, meta l-bniedem tallum ħafna drabi ma jsib xejn ħażin u kollox jgħaddi anke meta qiegħed ikun disonest u egoista ma’ ħutu l-bnedmin. Minħabba l-istorja fiha nfisha, kif ukoll xeni ta’ infedelta’, kliem goff, egoiżmu sfrenat, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.