-
-
****
Direttur: Ryan Coogler
Atturi: Michael B. Jordan, Sylvester Stallone, Tessa Thompson
Ħin: 132 minuti
Maħruġ minn KRS Releasing Limited
Klassifika tal-Gvern: 12A
Klassifika tal-Knisja: 15
Adonis Creed qatt ma kien jaf lil missieru, Apollo, li miet qabel ma’ hu twieled. Apollo Creed kien boxer ta’ l-aqwa kwalita’ u kien iġġieled kontra Rocky 40 sena ilu. Adonis kien it-tifel illeġittimu ta’ Apollo. Il-mara ta’ Apollo, Mary Anne, minkejja li żewġha kien bidilha biex kellu lil Adonis, ħaditu qiesu binha u tagħtu trobbija u edukazzjoni tajba. Issa li kiber u ggradwa mill-universita’ Adonis għandu ħafna għażliet quddiemu x’jista’ jagħmel, imma l-ġibda tiegħu għal boxing hija qawwija wisq, u jħalli kollox biex jibda jiġġieled. Wara xi ftit ġlidiet mhux importanti fil-Messiku jħoss li jrid jagħmel xi ħaġa aktar minn hekk. Għalhekk jitlaq lejn Philadelphia bil-ħsieb li jiġi ttrenjat mir-rivali u aktar tard l-akbar ħabib ta’ missierhu, Rocky Balboa. Għall-ewwel Rocky ma’ jkunx irid iżda wara li Adonis jibqa’ jinsisti, jaċċetta li jittrenjah. Waqt li jibda jipprepara għal-ġliediet akbar ma’ boxers stabiliti, Adonis isib xi ħaġa li qatt ma’ stenna: relazzjoni ta’ mħabba mal-ġara li toqgħod fil-flat ta’ isfel, il-kantanta li qedha tikseb suċċess iżda li fl-istess ħin qedha titlef is-smigħ, Bianca.
Film drammatiku dwar il-boxing. L-istorja tal-film hija dwar Creed, boxer żgħażugħ li jrid isegwi l-passi ta’ missierhu, imma fir-realta’ dan huwa film dwar it-tmiem ta’ Rocky, film li juri l-avvanz ta’ Creed u l-inżul ta’ Rocky. Creed iħares biss lejn il-preżent u l-futur filwaqt li Rocky iħares biss lejn il-passat. Huwa film interessanti ħafna. Fih xeni ta’ vjolenza qawwija, kliem ħażin u kontenut sesswali. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena.