***
Direttur: Tom Hooper
Atturi: Eddie Redmayne, Alicia Vikander, Matthias Schoenaerts, Ben Whishaw, Sebastian Koch u Amber Heard
Ħin tal-Film: 119 min
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Fin-nofs tas-snin għoxrin, ġewwa Copenhagen, l-pittriċi Gerda Wegener, li kienet tpitter uċuħ ta’ nies, talbet lil raġel tagħha, Einar Wegener, li hu wkoll kien pittur tal-pajsaġġi, jieħu post mudella li ttardjat biex tiġi. Gerda xtaqet ħafna li tispiċċa tpitter din il-pittura ta’ ballerina għax kienet magħfusa biż-żmien. Għalkemm fil-bidu Einar ma tantx xtaq li jilbes ta’ mara, izda din l-esperjenza qajmet ġewwa fih dak li kien għal ħafna snin iħoss ġewwa fih: dak li fil-ġewwieni tiegħu kien hemm persuna oħra ta’ mara li hu ta l-isem ta’ Lili Elbe. Għalkemm Gerda u Einar, issa mibdul f’mara, marru joqogħdu ġewwa Parigi, il-problema iktar kibret għal fatt li Gerda sabet bejgħ tajjeb għall-pitturi li kienet qegħda tpitter ta’ Lili. Sadanittant, Einar kien qiegħed jgħix ħajja doppja, dik ta’ raġel kif kien magħruf minn kulħadd u dik ta’ Lili li Gerda issa kienet sabet mudella perfetta biex tpitter. Meta Gerda tagħmel kuntatt ma’ Hans Axgil, ħabib fi tfulija ta’ Einar. Hans u Gerda jibdew juru ġibda lejn xulxin issa li Einer kien mitluf fuq il-persuna tiegħu ta’ mara. Il-problemi ghal Einar ikomplu jikbru hekk kif ftit li xejn sab għajnuna għal problema li kien qiegħed jiffaċċja tant li ħafna jidikjarawh miġnun. L-aħħar tama li kellu kienet, li bl-għajnuna ta’ Dr. Warnerkos, jibdel is-sess tiegħu. X’jiġri minn hawn?
Film Brittaniku-Amerikan, psewdo biografija ta’ żewġ artisti, Lili Elbe u Gerda Wegener taħt id-direzzjoni ta’ Tom Hooper. Il-film jittratta tema delikata ħafna u realistika. Juri b’mod ċar l-uġigħ li persuni li jitwieldu b’ġisem li fil-fatt mhux il-ġisem li huma qegħdin jħossu u jgħixu. Minħabba li l-film jittratta dan is-suġġett u jittrattah tajjeb ħafna, b’ħafna delikatezza, iżda ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.