• ***

    Direttur: Scott Cooper

    Atturi: Johnny Depp, Joel Edgerton, Julianne Nicholson

    Ħin: 122 minuti

    Klassifika tal-Gvern: 18

    Klassifika tal-Knisja: 18

    Fl-1975 James ‘Whitey’ Bulger ikun il-kap ta’ grupp żgħir kriminali Irlandiżi f’ South Boston. Il-karattru vjolenti tiegħu li dejjem lest li joqtol kiesaħ u biered iġibu fl-inkwiet mal-mafja italjana li hi ħafna ikbar u b’saħħitha minnu u jispiċċa fil-mira ta’ din il-mafja li trid teliminah. Aġent tal-FBI, John Connolly, jiġi nkarigat biex inaddaf il-belt mill-kriminalita’. Connolly kien il-ħabib ta’ Bill Bulger meta kienu tfal; Bill jiġi ħu James, jew Jimmy kif isejħulu, iż-żgħir, u llum hu senatur importanti. Connolly, għalhekk, jagħmel patt ma’ Jimmy: jekk dan kapaċi jipprovdi tagħrif li bih l-FBI tkun tista’ tagħti daqqa ta’ ħarta lil mafja, lil Jimmy l-FBI tħallih bi kwietu. Dan kien ta’ vantaġġ kbir għal Jimmy għax b’hekk seta’ jieħu kontroll ta’ l-attivatijiet kriminali li qabel kienet tagħmilhom il-mafja. Iżda r-relazzjoni ta’ Jimmy mal-FBI titgħarraq meta hu jsir l-akbar boss f’Boston u jibda jisfida l-pulizzija bil-miftuħ.

    Thriller drammatiku adattat mill-ktieb “Black Mass” ta’ Dick Lehr u Gerard O’Neill dwar l-istorja vera tas-suċċess u l-waqa ta’ Bulger. Johnny Depp jispikka fir-rwol ta’ Jimmy, u fih interpretazzjoni tajba wkoll mill-atturi l-oħra. Il-film fih ħafna xeni ta’ vjolenza, kultant brutali u mdemmija, qtil kiesaħ u biered, temi maturi, u  kliem ħażin ma’ jaqtax.  Jgħodd għal udjenza adulta.