Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Num 24:2-7,15-17a
Salm: 
24 (25):4bċ-5ab,6-7bċ,8-9

L-Evanġelju: Mt 21:23-27

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal fit-tempju, u, waqt li kien qiegħed jgħallem, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu u qalulu: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-setgħa?”

U Ġesù qalilhom: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien ukoll: jekk tweġbuni għaliha, jien ukoll ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. Il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja, mis-sema jew mill-bnedmin?” Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk inweġbuh: ‘Mis-sema’, jgħidilna: ‘Mela għaliex ma emmintux?’. U jekk ngħidulu: ‘Mill-bnedmin’, nibżgħu min-nies, għax lil Ġwanni kulħadd iżommu bi profeta.” Imbagħad wieġbu lil Ġesù u qalulu: “Ma nafux.” U hu qalilhom: “Mela anqas jiena ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan.”