• Direttur: Francis Lawrence

    Atturi: Jennifer Lawrence, Josh Hutcherson, Philip Seymour Hoffman

    Ħin: 135 minuti

    Klassifika tal-Gvern: 12A

    Klassifika tal-Knisja: 15

    Wara li Katniss u Peeta kienu reġgħu ingħaqdu flimkien, għalkemm dan ta’ l-aħħar għadu mħawwad wara li kien qatta’ ħafna żmien taħt il-kontroll ta’ Snow fejn kien ittorturat u bbrainwashjat biex isir jobgħod lil Katniss, huma jissieħbu mal-mexxejja tar-ribelli, Coin u Plutarch, li jkunu qed iħejju biex jinvadu l-Capitol ta’ Panem. Katniss, iżda, hija mħassba dwar il-kondizzjoni ta’ Peeta, kif ukoll tħossha diżilluża bl-imġieba ta’ Coin u Plutarch li m’humiex aħjar minn dawk li qedin jipprovaw jattakkaw. Għalhekk Katniss, imlaqqma ‘Mockingjay’, tippjana missjoni għaliha biex toqtol lil Snow. Madankollu Coin iżżomm għajnejha fuqha billi tibgħatilha lil ħabib tagħha Gale u grupp ta’ ġellieda oħra, inkluż Peeta, biex jgħinuha.  Huma jissieltu mal-forzi ta’ Snow fit-toroq tal-belt mimlijin bombi moħbijin li jesplodu hekk kif xi ħadd jgħaddi minn fuqhom u jarmu nar, bullits u kwantita’ kbira ta’ żejt iswed, kif ukoll jiġu attakkati minn bnedmin ġenetikament mibdulin u li huma feroċi ħafna. Meta jiffaċċjaw lil Snow, Katniss ikollha tieħu deċiżjoni iebsa li tagħmel dak li hu sewwa, ikun xi ikun il-prezz.

    Film drammatiku. Dan hu r-raba u l-aħħar film tas-sensiela ‘The Hunger Games’ ibbażati fuq il-kotba ta’ Suzanne Collins. Dak li beda bħala logħob qattiel jispiċċa fil-qerda tas-sistema infisha. Dan huwa film grandjuż u pjaċevoli, b’reċtar mill-aqwa mill-protagonisti u għadd ta’ atturi ċelebri oħrajn. Il-film fih ħafna ġlied u xeni ta’ vjolenza qawwija. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena.