• ****

    Direttur: Catherine Hardwicke

    Atturi: Toni  Collette, Drew Barrymore, Dominic Cooper, Paddy ConsidIne, Tyson Ritter, Frances de la Tour u Jacqueline Bisset

    Ħin tal-Film: 112 min

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15

    Milly u Jess huma ħbieb intimi u ta’ vera. Minn mindu kienu tfal, qasmu bejniethom is-sigrieti, l-ilbies, id-dwejjaq, in-namrati  u dak kollu li wieħed jista’ jkollu f’ħajtu. Issa li għadda ħafna żmien, tant li Milly għalqet l-erbgħin sena,  llum il-ġurnata għadhom jaqsmu flimkien kollox  bħala żewġ persuni li mmaturaw bħala adulti. Milly miżżewwġa, b’raġel jirrispettaha u żewġ ulied ħelwin u fuq tagħhom, waqt li Jess taħdem bħala perit u tgħix mal-maħbub tagħha Jago fuq dgħajsa dar fuq kanal ġewwa Londra. Il-ħbiberija bejniethom għalkemm għadda ħafna żmien hi ħajja u solida daqs il-blat. X’jiġri meta Jess tixtieq ħafna li jkollha tarbija waqt li Milly jitfaċċahla kankru tas-sider?  Jess tirrikorri għal għajuna permezz tal-metodu  IVF biex b’hekk il-ħolma  li dejjem xtaqet li jkollha tarbija sseħħ,  waqt  li Milly b’kuraġġ kbir u bl-appoġġ tal-familja tagħha u dik ta’ Jess kellha tiġi wiċċ imbwiċċ mal-marda kiefra li laqtitha. Il-qagħda tkompli teħżien meta Milly, wara li ħarġet b’suċċess mill-ewwel problema isir taf li tumur ieħor jitfaġġa f’moħħha. Kif sejjer taffetwa din-il-problema bejn iż-żewġ iħbieb issa li minnaħa ta’ Jess  waslet biex twelled waqt li Milly tinsab f’qagħda serja li waslet fuq il-ponta tal-mewt?

    Film Amerikan – Brittaniku, bi storja tajba, kummiedja iżda fl-istess waqt drammatiku, taħt id-direzzjoni ta’ Catherine Harwicke u  kitba ta’ Morwena Banks. Il-protoganisti tal-film huma Milly u Jess, li minn eta’ żgħira kienu tassew ħbieb tal-qalb u din il-ħbiberija baqgħet ħajja anke meta dawn ħadu l-istat tagħhom. Minħabba li l-film għandu tema li tappella għal adulti u ż-żgħażagħ  anke minhabba l-fatt li  juri b’ċertu dettal il-metodu ta’ kif isir IVF. Ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.