-
-
***
Direttur: Sarah Gavron
Atturi: Carey Mulligan, Helena Bonham Carter, Brendan Gleeson, Anne-Marie Duff, Ben Whishaw, u Maryl Streep
Ħin tal-Film: 106 min.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
Film drammatiku li seħħ ġewwa Londra fil-bidu tas-Seklu Għoxrin. Niltaqgħu ma’ l-ewwel grupp ta’ nisa li kienu jiffurmaw parti mill-Women’s Social and Political Union. Wara li għamlu sforz biex it-talba tagħhom tinstama’ u li n-nisa jingħataw id-dritt għall-vot, irnexxielhom iressqu t-talba tagħhom quddiem kumitat tal-Parlament Ingliż. Imma dan ma wassal imkien. It-talba tagħhom ġiet miċħuda. Minħabba hekk, il-grupp li għal bidu tiegħu kien paċifiku, wara din id-disfatta li kien ifisser l-vuċi tagħhom ma waslet imkien, kellhom iduru għall-protesti vjolenti u ksur ta’ liġijiet. Biex setgħu jorganizzaw dawn l-atti vjolenti kienu jiltaqgħu bil-moħbi taħt it-tmexxija ta’ Mrs. Emmeline Pankrust. Għal bidu kienu atti ftit li xejn vjolenti ħlief għal xi ksur ta’ ħġieġ ta’ ħwienet ġewwa Oxford Street. Iżda dawn il-protesti ma waslu mkien u għalhekk bdew iduri biex jikkawzaw ħsara fil-kaxxi tal-ittri, xi knejjes u anke xi djar ta’ politikanti. Dan ġab għadab kbir mill-forżi tal-ordni u kien ifisser arresti ta’ nisa li kienu attivi f’dan il-moviment. Fost dawn kien hemm Maud Watts u Violet Miller, it-tnejn kienu jaħdmu bħala ħassiela f’londri, Edith Fllyn li kienet taħdem fi spezerija, Mrs. Haughton u l-fundatriċi tal-moviment Mrs. Emmeline Pankhurst. Fil-film tispikka ħafna l-ħajja diffiċli li Maud Watts kellha tiġi wiċċ imbwiċċ mhux biss ma’ l-awtoritajiet iżda wkoll li sfat imkeċċija minn darha mir-raġel tagħha li anqas kien iħalliha tara t- tifel tagħha George. Minħabba l-impenn tagħha, Maud anke tilfet ix-xogħol li kellha fil-londri. X’kien l-aħħar attentat ta’ dawn in-nisa determinati li jieħdu dak li bi dritt kien tagħhom u hekk jkollhom leħen permezz tal-vot fit-tmexxija tal-pajjiż? X’sehem kellha Maud f’dan l-attentat u x’ġara wara?
Film Brittaniku, taħt id-direzzjoni ta’ Sarah Gavron, kitba ta’ Abi Morgan, jeħodna lura fl-istorja meta moviment tan-nisa, magħrufa bħala s-Suffragettes, tħabtu ħafna biex jkunu jistgħu jiksbu l-vot u hekk ikunu meqjusa daqs l-irġiel, bir-responsabilta’ kollha li dan id-dritt jgħati għal min jiġi biex jivvota għal min immexxih. Il-film narawh mill-lenti ta’ Maud Watts, mara li kienet taħdem bħala ħassiela f’londri u kif din għamlet tant sagriffiċji biex flimkien ma’ oħrajn jakkwistaw dak li kien bi dritt tagħhom. Minħabba t-tema tal-film, tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.