• ***

    Direttur: John Madden

    Atturi: Judi Dench, Maggie Smith, Bill Nighy, Dev Patel, Celia Imrie, Penelope Wilton, Ronald Pickup, David Strathairn u Richard Gere

    Ħin tal-film: 122 min

    Klassifika taċ-Ċensura: PG

    Klassifika tal-Knisja: 12A

    Sonny, żagħżugħ fuq tiegħu u kapaċi ħafna fix-xogħol tiegħu ta’ lukandier, xtaq ħafna li jespandi n-negozju  tiegħu  billi jixtri proprejta` li kienet għal bejgħ fuq is-suq. Kienet l-ħolma tiegħu. Il-lukanda li kien imexxi kienet kisbet tant suċċess li ħafna minn dawk marru joqogħdu hemm għal ftit ġimgħat iddeċiedew  li jibqgħu  hemm għall-ħajjithom kollha,  b’riżultat li  l-lukanda: THE BEST EXOTIC MARIGOLD HOTEL ma kienitx f’qagħda li toffri xi kamra oħra vojta ħlief għal xi kamra jew tnejn mhux tant ta’ lussu.  Il-problema  għal Sonny kienet li barra li ma kellux flus biżżejjed biex jixtri l-proprejta, kien wasal qrib ħafna li jiżżewweġ lil Sumaina, tfajla ħelwa u  li kienet tagħmel parti mill-impjegati  tal-lukanda. Il-fatt li l-lukanda  kienet ta’ livell għoli għal nies sinjuri, offriet sfida  għal Sonny meta fil-lukanda waslu Guy Chambers u Lavinia  li xtaqu kamra.   Sonny daħħalha f’rasu li Guy kien il-persuna mibgħut minn kumpanija Amerikana li setgħet tiffinanzja x-xiri ta’  lukanda ġdida u biex dan jagħmel rapport fuq dak li jkun ra u esperjenza fi ftit ġranet li jkun qatta’ fil-post.  Sadanittant residenti fil-lukanda kellhom il-problemi  tagħhom. Fosthom Evelyn u Douglas li kienu qegħdin jaħsbuha jekk jidħlux f’relazzjoni. Norman wkoll sab diffikulta biex jaġġusta r-relazzjoni esklusiva ma’ Carol. Madge li moħħha kien li tiżżewweġ kellha problema lil min tagħzel bejn tnejn li kienu tassew ħerqana li jkunu huma li jiżżewwiġah. Tgħid jirnexxi l-pjan ta’ Sonny li jiftaħ it-tieni lukanda taħt l-isem: THE SECOND BEST EXOTIC MARIGOLD  HOTEL.  Kif imur iż-żwieġ tiegħu ma’ Sumaina?

    Film kummiedja Brittaniku, taħt id-direzzjoi ta’ John Madden, b’kitba ta’ Ol Parker, jsegwi film ieħor li ħareġ  fis-sena 2012 taħt it-titlu: THE BEST EXOTIC MARIGOLD HOTEL. Il-film jiġbor fih numru ta’ atturi magħrufa fosthom Judi Dench, Maggie Smith, Bill Nighy, Celia Imrie, Richard Gere  u oħrajn. Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena iżda tfal taħt it-tnax,  jistgħu jarawh jekk ikunu akkompanjati minn xi adult.