• ***

      Direttur: Rob Cohen

      Atturi: Jennifer Lopes, Ryan Guzman, John Corbett, Ian Nelson, Kristin Chenoweth,  Lexi  Atkins u Hill Harper

      Ħin tal-Film: 90 min

      Klassifika taċ-Ċensura: 15

      Klassifika tal-Knisja: 18

      Claire Peterson tinsab fi proċess ta’ seperazzjoni mir-raġel tagħha Garrett wara  li dan inqabad f’relazzjoni mas-segretarja tiegħu. Il-ħabiba tal-qalb tagħha u kollega, Vicky Lansing, tirsisti magħha biex anke tikseb divorzju. Claire tiltaqa’ ma’  Noah Sandborn, in-neputi tal-ġirien tagħha u  li issa ġie joqgħod ma’ zijuh. Noah ma jdumx ma jindieħes ma’  Kevin, it-tifel ta’ Claire u anke jibda jattendi l-iskola fejn Claire kienet għalliema tal-letteratura Ngliża. Noah jibda jinġibed lejn Claire waqt li juri l-interess tiegħu lejn l-opra letterarja ta’ Homer Iliad. Meta Kevin imur ma’ missieru għal tmiem –il -Ġimgħa  għal btala qasira, Claire tmur ma’ Vicky u l-għarus tagħha għal serata flimkien iżda din din il-laqgħa ta’ ħbieb xejn ma tmur tajjeb tant li Claire tmur lura lejn id-dar. Noah iċċempliha biex tmur tgħinu ssajjar xi ħaġa. Sfortunatament għal Claire, hi taqa’ għalih meta dan mingħajr l-ebda mistħija juriha l-interess fiha. Hawn Claire tagħmel l-ikbar żball ta’ ħajjitha u ċċedi għalih. Kien għalxejn li Claire tipprova  tipperswadi lil Noah li dak kien żball minnaħa tagħha u li hu ma jkomplix jirsisti magħha. Kien kollhu għal xejn għaliex  Noah jibqa’ jirsisti għal imħabbitha u din issir ossessjoni. X’jiġri minn hawn? Biex tkompli titħawwad il-qagħda Noah jibqa’ jirsisti li jkun fil-klassi tagħha fl-iskola. Noah ukoll fl-insistenza tiegħu biex Claire ttih wiċċ,  jibda jinfluenza lil Kevin. Meta Noah jintebaħ li Claire ma kienitx interssata fih u jarah ma’ Garrett,  l-ossessjoni tiegħu għaliha tkompli tiskala. Fejn sejra twasslu din l-ossessjoni?

      Film erotiku Amerikan, taħt id-direzzjoni ta’ Rob Cohen u miktub minn Barbara Curry, jlaqqagħna ma’ Claire Peterson, għalliema fi skola u omm ta’ żagħżugħ,  li minħabba li ż-żwieġ tagħha kien f’diffikulta, isib ruħha f’mument dgħajjef u ċċedi għat-tentazzjoni li ż-żagħżugħ Noah idaħħalha fih b’riżultat diżastruż. Minħabba l-vjolenza ħarxa, kontenut ta’ mġieba sesswali u immorali barra xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.