• ****

    Direttur: Michael Hoffman
    Atturi: Michelle Monaghan, James Marsden, Liana Liberato, Luke Bracey
    Ħin: 118 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    Meta kienu għadhom fil-Junior College Amanda u Dawson kienu jħobbu lil xulxin iżda maż-żmien infirdu minn xulxin. Wara għoxrin sena jerġgħu jiltaqgħu meta t-tnejn li huma jmorru fil-belt żgħira f’Louisiana fejn kienu joqgħodu meta kienu żgħażagħ biex jattendu għal funeral ta’ ħabib komuni tagħhom, Tuck, u jgħarfu li għad għandhom ġibda lejn xulxin. Iżda issa Amanda hi miżżewġa lil xi ħadd ieħor għalkemm mhix kuntenta ma’ żewġha, filwaqt li Dawson għadu jġorr problemi mill-passat tiegħu. X’ġara minn meta ltaqgħu sal-llum narawħ fi flashbacks, ibda minn meta ltaqgħu fl-iskola u ħadu grazzja ma’ xulxin; it-tnejn li huma kienu ġejjin minn ambjenti differenti ħafna – Amanda minn familja tat-tajjeb u rfinata, filwaqt li Dawson kien fqir u abbużat minn missierhu li kien imexxi d-drogi. Wara li qala’ xeba oħra minn missierhu, Dawson jaħrab mid-dar u jsib kenn għand Tuck li jsir għalih flok missierhu. L-imħabba ta’ Dawson lejn Amanda tkompli tikber minkejja li l-familja tagħha ma jkollhomx pjaċir bih. Iżda jiġru affarijiet aktar gravi fil-ħajja ta’ Dawson. Issa li reġgħu sabu lil xulxin jistgħu jġeddu r-relazzjoni li kellhom qabel?
     
    Film drammatiku, ibbażat fuq ir-rumanz populari bl-istess isem ta’ Nicholas Sparks li ħareġ fl-2011. Huwa film interessanti ħafna u sentimentali, b’atturi ħelwin, xenarju sabiħ, u b’għadd ta’ konflitti u nuqqas ta’ ftehim. Fih xeni ta’ vjolenza, kontenut sesswali u xi kliem ħażin. Jgħodd għal dawk ‘l fuq minn 15 il-sena.