• The Grand Budapest Hotel

  • ****

    Direttur:        Wes Anderson
    Atturi:            Ralph Fiennes, Tony Revolori, Adrien Brody, Willem Dafoe
    Ħin:                99 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura:  12A
    Klassifika tal-Knisja:  15
     
    Fis-snin 1930’s, bi gvern faxxista dejjem jitqawwa u bil-gwerra mhix wisq il-bogħod, The Grand Budapest Hotel, fir-Republika fittizja ta’ Zubrowka, hija waħda mill-aktar lukandi mfitxija fl-Ewropa minkejja li issa saret mkabra. Monsieur Gustave, il-concierge tal-lukanda, flimkien ma’ l-apprentist tiegħu Zero Mustafa, għandhom mertu kbir għal popularita’ ta’ din il-lukanda. Gustave huwa dejjem kordjali u attent għal kull ma’ l-klijenti jkunu jeħtieġu u jgħallem lil Zero jagħmel l-istess, waqt li moħħu fli jikkorteġġja l-klijenti nisa sinjuri. L-affarijiet jinbidlu meta klijenta sinjura li sikwit kienet toqgħod fil-lukanda tmut u tħalli lil Gustave pittura ta’ valur kbir. L-eredi tagħha, l-aktar binha Dmitri, ifittxu li dik il-pittura jżommuha huma b’kull meżż possibbli. Gustave jispiċċa akkużat falsament bi qtil u mitfugħ f’ħabs militari. Sadanittant, Dmitri, flimkien ma’ sieħbu Jopling, joqgħod jfittex testment ieħor li jekk isir magħruf ikun ta’ svantaġġ għalih. Gustave jirnexxilu jaħrab mill-ħabs u jagħmel ħiltu biex isalva ġildu fl-ambjent faxxista bil-faxxinu tiegħu.
     
    Film  ta’ avventura b’laqta komika interessanti u b’pass mgħaġġel. Il-qofol tal-film huwa Gustave, parti maħduma tajjeb ħafna minn Ralph Fiennes li joħloq karikatura ta’ bniedem dejjem eżatt f’kull ma jagħmel u li jagħti  importanza kbira lil kif jilbes u jidher. L-istorja tal-film hija rrakkontata minn Zero, issa anzjan u msejjah Mr Moustafa, fl-1968. Fih xi kontenut sesswali, xi kliem ħażin u xeni ta’ vjolenza. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.