-
-
Qari tal-jum
-
L-Ewwel Qari: Dan 13, 1-9.15-17.19-30.33-62
Salm: 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6L-Evanġelju: Ġw 8, 12-20
-
F’dak iż-żmien, Ġesù qabad ikellem lill-Fariżej u jgħidilhom: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja”. Qalulu l-Fariżej: “Qiegħed tixhed int għalik innifsek; mela x-xhieda tiegħek mhix minnha”.
Weġibhom Ġesù: “U wkoll kieku kelli nixhed jien għalija nnifsi, ix-xhieda tiegħi kienet tgħodd, għax jiena naf minn fejn ġej u fejn sejjer. Imma intom ma tafux minn fejn jien ġej jew fejn sejjer. Intom il-ħaqq tagħkom tagħmluh ta’ bnedmin li intom; jien ma nagħmel ħaqq minn ħadd. Imma kieku kelli nagħmel ħaqq jien, il-ħaqq tiegħi kien ikun sewwa, għax jien m’iniex waħdi, imma miegħi għandi l-Missier li bagħatni. Issa fil-Liġi tagħkom hemm miktub li x-xhieda ta’ tnejn tgħodd. Hemm jien, li qiegħed nixhed għalija nnifsi, u hemm il-Missier li bagħatni, li hu wkoll qiegħed jixhed għalija”.
“Missierek fejn hu?”, staqsewh. Weġibhom Ġesù: “Intom la lili ma tafu u lanqas lil Missieri. Li kieku kontu tafu lili, kontu tkunu tafu lil Missieri wkoll”. Dan kollu Ġesù qalu fit-teżor, huwa u jgħallem fit-tempju. U ħadd minnhom ma qabdu, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.