Mattew 1,16,18-21.24

Ġakobb nissel lil Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejjħulu l-Messija. Mela n-nisel kollu kien, minn Abraham sa David, erbatax-il nisel, minn David sa l-eżilju ta’ Babilonja, erbatax-il nisel; u mill-eżilju ta’ Babilonja sal-Messija, erbatax-il nisel. It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu  s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: ‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El’, Li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

Il-Qaddis tal-jum: San Guzepp