Mattew 21,28-32
“Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu, ‘Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli.’ U dak qallu, ‘Ma rridx.’ Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. ‘Arani sejjer, sidi,’ qallu dan, u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?” “L-ewwel wieħed,” weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sa l-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx.