Mela resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: “Mgħallem,” qalulu,”Mosè ħallielna miktub, ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.’ Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. It-tieni wieħed, u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa din, fil-qawmien ta’ l-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewwġuha.” Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewwġu u jżewwġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla ta’ l-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb. Issa hu m’huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.” Qabżu xi wħud mill-kittieba u qalulu: “Mgħallem, sewwa qiegħed tgħid.” Għax xejn iżjed ma kellhom il-wiċċ jistaqsuh.
Il-Qaddis tal-Jum: San Felic ta’ Valois