Bijografija
L-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Charles J. Scicluna, iben Emanuel u Maria Carmela née Falzon, twieled f’Toronto, il-Kanada, fil-15 ta’ Mejju 1959. Il-familja Scicluna waslet Malta fl-1960 u għal diversi snin kienet toqgħod Ħal Qormi sakemm marret toqgħod Ħal Lija fl-1976. Mons. Scicluna irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja San Sebastjan, Ħal Qormi, fl-Iskola Teknika San Ġużepp, Raħal Gdid u fil-Kulleġġ Saint Edward’s, Cottonera. Daħal għal kors tal-liġi fl-Università ta’ Malta fl-1976 u iggradwa avukat fl-1984. Wara l-formazzjoni meħtieġa fis-Seminarju Maġġuri u l-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali mill-Fakultà tat-Teoloġija, Tal-Virtù, ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Ġużeppi Mercieca, fil-11 ta’ Lulju 1986. Fl-istess sena Mons. Scicluna ġie mibgħut jistudja id-Dritt Kanoniku ġewwa l-Pontificia Università Gregoriana, f’Ruma u kiseb id-Dottorat fid-Dritt Kanoniku bi speċjalizazzjoni fil-Ġurisprudenza fl-1991. Wara l-istudji f’Ruma Mons. Scicluna ħadem fuq it-Tribunal Metropolitan ta’ Malta bhala Difensur taż-Żwieġ u kien ukoll lecturer fit-Teoloġija Pastorali u fid-Dritt Kanoniku fl-Università ta’ Malta.
Wettaq ħidma pastorali fil-parroċċi ta’ Ħ’Attard, San Girgor, Tas-Sliema, u fl-Iklin, Lija. Kien Viċi-Rettur tas-Seminarju Maġġuri bejn l-1994 u l-1995. Fl-1995 ġie msejjaħ biex jaħdem fil-Vatikan fit-Tribunal Suprem tas-Senjatura Appostolika bħala Sostitut Promotur tal-Ġustizzja. Fl-1996 ġie nominat Postulatur fil-kawża tal-beatifikazzjoni u tal-kanonizzazjoni ta’ Dun Ġorġ Preca. F’Ottubru 2002 Mons. Scicluna nħatar Promotur tal-Ġustizzja fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi bil-mandat li jinvestiga u jkun prosekutur fil-każi l-iżjed gravi riservati għall-Kongregazzjoni. Ivvjaġġa ħafna biex jagħti seminars dwar il-protezzjoni tal-minuri f’diversi komunitajiet lokali fl-Ewropa, fl-Asja, fl-Afrika, fl-Amerika u fl-Awstralja. Sakemm dam Ruma Mons. Scicluna kien jgħin bħala kappillan tas-Sorijiet ta’ Santa Briġida (Piazza Farenese) u bħala konfessur fil-Venerabbli Kulleġġ Ingliż. Huwa visiting lecturer fil-proċedura penali fil-Pontificia Università Gregoriana. Fis-6 ta’ Ottubru 2012, il-Papa Benedittu XVI innomina lil Mons. Scicluna bħala Isqof Awżiljarju ta’ Malta bit-titlu ta’ San Leone. Hu kien ikkonsagrat isqof fl-24 ta’ Novembru 2012. Fit-28 ta’ Novembru 2012, tħabbret il-ħatra tiegħu bħala membru tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi fil-Vatikan.
Fit-18 ta’ Ottubru 2014, wara r-riżenja ta’ Mons. Pawlu Cremona O.P. minn Arċisqof ta’ Malta, il-Papa Franġisku innomina lil Mons. Scicluna bħala Amministratur Appostoliku sede vacante, bis-setgħa li jmexxi l-Arċidjocesi ta’ Malta sakemm l-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta jieħu l-pussess kanoniku tal-Arċidjoċesi. Fil-21 ta’ Jannar 2015, il-Papa Franġisku nnomina lil Mons. Scicluna bħala President ta’ Kulleġġ Speċjali fi ħdan il-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, biex jiddeċiedi l-appelli fil-proċessi dwar offiżi serji stabbiliti fil-Motu Proprio Sacramentorum Sanctitatis Tutela. Fis-27 ta’ Frar 2015, il-Papa Franġisku ħatar lil Mons. Scicluna bħala Arċisqof ta’ Malta. L-ingress solenni sar fil-21 ta’ Marzu 2015, fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina. Fit-13 ta’ Novembru 2018, il-Papa Franġisku ħatar ukoll lil Mons. Scicluna bħala Segretarju Aġġunt tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi tas-Santa Sede.
Stemma
L-Arma araldika tal-Arċisqof Scicluna hija ispirata mill-arma tradizzjonalment assenjata lill-kunjom tal-familja li għandha żiemel rampanti u nofs qamar krexxenti ta’ lewn abjad/fidda fuq sfond aħmar. Mons. Scicluna żied il-warda safra/deheb imwerrqa bil-lewn aħdar.
L-isfond aħmar ifakkarna fil-mant ta’ Kristu waqt il-passjoni “imxarrab bid-demm” (Apok. 19, 13): «Imbagħad Pilatu ordna li jieħdu lil Ġesù u jagħtuh is-swat. Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur. U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu: “Is-sliem għalik, ja sultan tal-Lhud!” U bdew jagħtuh bil-ħarta» (Ġw 19, 1-3).
Iż-żiemel abjad/fidda ifakkarna fid-dehra li kellu l-Appostlu Ġwanni dwar Ġesù Kristu stess: “Imbagħad rajt is-sema miftuħ, u kien hemm żiemel abjad! Dak li kien riekeb fuqu jissejjaħ Fidil u Veru (Fidelis et Verax); bil-ġustizzja hu jaqta’ l-ħaqq u jagħmel il-gwerra. Għajnejh qishom ħuġġieġa nar, b’ħafna dijademi fuq rasu, u b’isem miktub fuqu li ħadd ħliefu ma jafu. Kien liebes mantell imxarrab bid-demm, u jissejjaħ bl-isem “il-Kelma ta’ Alla”. Mexjin warajh, fuq żwiemel bojod, kien hemm l-eżerċti tas-sema, lebsin l-għażel abjad bla nikta. Fuq il-mantell u fuq koxxtu għandu miktub isem: “Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien” (Apok. 19, 11-16).
In-nofs qamar krexxenti abjad/fidda iffakkarna fix-xbieha ta’ stabilità li joffri is-Salm 72: «Jinżel mill-muntanji s-sliem lill-poplu, tinżel mill-għoljiet il-ġustizzja. Hu jħares id-dritt tal-imsejknin tal-poplu, isalva l-fqajrin u jrażżan ’il min jgħakkishom. Ħa jdum kemm iddum ix-xemx; kemm idum il-qamar, minn żmien għal żmien». In-nofs qamar huwa wkoll simbolu tal-Verġni Marija u tal-Knisja, l-Għarusa ta’ Ġesù, b’riferenza għax-xbieha tal-għarusa fl-Għanja tal-Għanjiet: «Min hija dik li tielgħa bħaż-żerniq, sabiħa donnha l-qamar, tiddi bħax-xemx, tal-biża’ bħall-eżerċtu lest għat-taqbida?» (Għanj. 6, 10).
Il-warda safra/deheb tfakkarna fi xbieha oħra tal-Verġni Marija peress li l-għarusa fl-Għanja tal-Għanjiet hija mxebbħa mal-warda: «Ġnien magħluq tajjeb int, oħti, għarusa tiegħi, ġnien magħluq tajjeb, għajn issiġillata. Jinbet ġnien tar-rummien minn ilmijietek, flimkien mal-ogħla ħxejjex: il-ward tal-ħenna, u l-ispika, spika u żagħfran, qasab ifuħ, kannella, kull siġra tal-inċens, mirra, sabbara, u l-aqwa balzmi kollha» (Għanj. 4, 12-14).
Il-Motto bil-Latin: FIDELIS ET VERAX (Fidil u Veru) huwa meħud mill-Ktieb tal-Apokalissi 19, 11. Huwa t-titlu li jingħata lir-Rikkieb taż-żiemel abjad li huwa Ġesù Kristu nnifsu. In-nisrani jagħraf lir-Ragħaj it-tajjeb bħala ragħaj fidil f’kelmtu u li ma jqarraqx bil-merħla. L-isqof huwa meħud mill-merħla biex ikun Ragħaj fuq ix-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb Fidil u Veru.
L-arma tinkludi l-pallium li hu bħal faxxa li jintlibes fuq il-pjaneta madwar l-għonq. Ikollu wkoll żewġ pendenti wieħed fuq quddiem, ieħor fuq wara. Fuq il-pallium ikun hemm irrakkmati sitt islaleb suwed. Il-pallium hu simbolu tal-awtorità tal-Arċisqof metropolita f’kommunjoni mal-Knisja ta’ Ruma.
Is-Salib Patrijarkali hu Salib Latin b’żewġ traversi orizzontali. It-traversa ta’ fuq tissejjaħ it-titulus cruces, jew il-kitba ta’ Ponzju Pilatu li twaħħlet mas-salib ta’ Ġesù.
Fl-isfond tal-arma hemm ukoll is-Salib ta’ Malta peress li Monsinjur Scicluna hu Kappillan Konventwali Gran Cruċ ad honorem.