Bijografija
MONSINJUR JOSEPH GALEA‑CURMI, iben Paul u Josette née Mifsud Bonnici, twieled Birkirkara fl‑1 ta’ Jannar 1964 u huwa t‑tielet minn sitt ulied. Monsinjur Galea‑Curmi rċieva l‑edukazzjoni tiegħu fl‑iskola Stella Maris, Ħal Balzan, fil‑Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, ir-Rabat, u fil‑Kulleġġ San Alwiġi (Sixth Form), Birkirkara. Daħal fis‑Seminarju tal‑Arċisqof fl‑1982. Wara li rċieva l‑formazzjoni meħtieġa u kiseb Liċenzjat fit‑Teoloġija Sagra fl‑Università ta’ Malta, ġie ordnat saċerdot mill‑Arċisqof ta’ Malta, Mons. Ġużeppi Mercieca, fil‑5 ta’ Lulju 1991. Monsinjur Galea‑Curmi ntbagħat ikompli l‑istudji tiegħu fil‑Pontificia Università Lateranense ta’ Ruma u fl‑1998 kiseb dottorat fit‑Teoloġija Pastorali. It‑teżi tad‑dottorat tiegħu ġġib l-isem The Diocesan Synod as a Pastoral Event. A Study of the Post‑Conciliar Understanding of the Diocesan Synod.
Wara l‑istudji tiegħu f’Ruma, Monsinjur Galea‑Curmi inħatar assistent Segretarju Pastorali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta u lecturer fit‑Teoloġija Pastorali fl‑Università ta’ Malta, fejn għadu jgħallem sal‑lum. Huwa kien il‑kordinatur tas‑Sinodu Djoċesan li sar bejn l‑1999 u l‑2003. Fl‑2005 inħatar membru tal‑board tal‑Istitut Djoċesan ta’ Formazzjoni Pastorali, u fl-2008 assistent ekkleżjastiku tal‑Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice (Malta), fejn għadu jservi sal‑lum.
Fl‑2015, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Monsinjur Galea‑Curmi bħala Vigarju Ġenerali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta u Kanonku tal‑Kapital tal‑Katidral.
Fit-23 ta’ Ġunju 2018, il‑Papa Franġisku ħatar lil Monsinjur Galea‑Curmi bħala Isqof Awżiljarju ta’ Malta u nnominah Isqof Titulari ta’ Cebarades. L-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu saret fil-Katidral tal-Imdina fl-4 ta’ Awwissu 2018. Huwa jwettaq ħidma pastorali fil‑Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Balzan.
Telefown: 25906201
Email: [email protected]