-
-
Id-Dsatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
San Ġwann 6:41-51
F’dan iż-żmien, il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: ‘Jiena nżilt mis-sema’?”.
Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: ‘U kulħadd ikun imgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem. Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.
Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.