Il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi – Festa
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Sir 3, 2-6. 12-14
Salm: 127 (128), 1-2.3.4-5
It-Tieni Qari: Kol 3, 12-21
L-Evanġelju: Mt 2, 13-15.19-23
Meta telqu l-Maġi, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu bil-lejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni”.
Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: “Qum ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu, u mar fl-art ta’ Iżrael.
Imma billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nażaret, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeti, “Ikun jissejjaħ Nażri”.