-
-
San Ġwann 5:17-30
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-ġemgħa tal-Lhud: “Missieri għadu jaħdem sa issa; mela naħdem jien ukoll”. U minħabba f’hekk il-Lhud wisq iżjed minn qabel bdew ifittxu li joqtluh, mhux biss għax kien jikser is-Sibt, imma wkoll għax lil Alla kien jgħidlu Missieru u jqis ruħu daqs Alla.
Ġesù qabad u qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom li l-Iben ebda ħaġa ma jista’ jagħmel minn rajh jekk ma jarax lil Missieru jagħmilha; għax il-ħwejjeġ li jagħmel il-Missier, jagħmilhom l-Iben ukoll, bħalu. Għax il-Missier lill-Iben iħobbu u jurih kulma jagħmel, anzi ħwejjeġ akbar minn dawn jurih, ħalli jkollkom biex tistagħġbu. Għax bħalma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil dawk li jrid hu. Il-Missier ma jagħmel ħaqq minn ħadd, imma ħalla f’idejn l-Iben biex jagħmel il-ħaqq kollu hu, biex kulħadd jagħti ġieħ lill-Iben bħalma jagħti ġieħ lill-Missier; u min ma jagħtix ġieħ lill-Iben anqas ma jagħti ġieħ lill-Missier li bagħtu. Tassew tassew ngħidilkom li min jisma’ kelmti u jemmen f’min bagħatni għandu l-ħajja ta’ dejjem, u ma jsirx ħaqq minnu, imma għadda mill-mewt għall-ħajja.
Tassew tassew ngħidilkom li tiġi siegħa, anzi issa hi, meta l-mejtin jisimgħu l-leħen tal-Iben ta’ Alla, u dawk li jisimgħuh jgħixu. Għax bħalma l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, hekk ukoll ta lill-Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu, u tah ukoll is-setgħa li jagħmel ħaqq, għax hu Bin il-bniedem. Tistagħġbux b’dan; tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna. Jiena ma nista’ nagħmel xejn minn rajja; il-ħaqq nagħmlu fuq dak li nisma’, u l-ħaqq li nagħmel jien huwa ġust, għax jien ma nfittixx ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni”.