-
-
San Mark 7:1-13
F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu jdejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż.
Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?”. Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: “Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin”. Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”.
U qalilhom: “Ħelu ħelu ġġibu fix-xejn il-kmandamenti ta’ Alla biex tħarsu t-tradizzjoni tagħkom. Mosè qal: “Weġġaħ lil missierek u ’l ommok”, u: “Min iżeblaħ lil missieru jew ’l ommu għandu jieħu l-mewt”. Imma intom tgħidu: “Jekk wieħed jgħid lil missieru jew ’l ommu: Il-ġid li għandi, li jista’ jkun ta’ għajnuna għalik, huwa Qorban jiġifieri, offerta lil Alla”, intom imbagħad ma tħalluh jagħmel xejn iżjed għal missieru jew ommu. Hekk iġġibu fix-xejn il-kelma ta’ Alla bit-tradizzjoni li tgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. U bosta ħwejjeġ oħra bħal dawn tagħmlu”.
Qaddisin tal-jum: San Pawl Miki u sħabu, Martri