-
-
Direttur: Andy Serkis
Atturi: Andrew Garfield, Claire Foy, Tom Hollander, Hugh Bonneville, Dean-Charles Chapman u Ed Speleers
Ħin tal-Film: 118 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12A
Robin Cavendish, waqt logħba krikit, innota l-ħarsa li tagħtu tfajla ħelwa meta dan laqat il-ballun b’saħħa kbira li kien kważi laqat lilha hekk kif din kienet qegħda tgawdi l-logħba ma’ sħabha. Dik id-daqqa t’għajn li Diana Blacker tat, kienet biżżejjed biex Robin, minn dakinhar jibda relazzjoni soda bejniethom li wasslithom għaż-żwieġ.
Minħabba li Robin kien sensar f’kumpanija tat-tè, il-koppja żgħażugħa marret tgħix ġewwa Nairobi fi Kenya. Hemm Diana ħarġet tqila. Ftit wara, Robin, f’daqqa waħda, tolqtu l-marda tal-polio li pparalizzatu minn għonqu l-isfel. Fl-isptar jitqiegħed fuq magna respiratorja biex ikun jista’ jieħu n-nifs. Il-pronjosi li taw it-tobba xejn ma kienet tajba, tant li bassru li ma kellux ħajja twila x’jgħix. Meta t-tarbija twieldet, saru arranġamenti biex il-familja tmur lura l-Ingilterra ġewwa Oxford fejn Robin daħal fi sptar fejn hemm kellu jerġa’ jibda jitgħallem jitkellem mill-ġdid. Robin talab lil Bloggs u lil David, l-aħwa ta’ Diane biex iħalluh imut. Iżda Diana ma taċċettax din it-talba tiegħu; tridu li jibqa’ jgħix u li jsir jaf lit-tifel, Jonathan, li twelidlu. Robin jaċċetta dan iżda jitlobha biex tagħmel minn kollox biex toħorġu mill-isptar.
Diana tirriżolvi li ssib soluzzjoni ta’ kif Robin seta’ jgħix barra mill-isptar. Diana għaddiet għall-azzjoni. Rat kif għamlet u organizzat il-‘ħarba’ ta’ Robin mill-isptar għalkemm tabib wissiha li f’inqas minn ġimgħatejn, hu jkun mejjet. Robin mill-isptar jittieħed f’dar ġdida u jibda jgħix ġewwa sodda, jieħu n-nifs permezz ta’ respiratur. Il-ħabib tal-familja, il-Professur Teddy Hall jivvinta siġġu bir-roti li jaħdem bil-batterija. Dan kien ifisser li Robin issa seta’ joħroġ mis-sodda u ggawdi l-mobilità li hu kien ħaseb li tilef għal kollox. Bix-xewqa kbira għall-ivvjaġġar li kellhom, addottaw Bedford vann li fih seta’ jidħol is-siġġu tar-roti. Diana anke rat kif għamlet biex ix-xewqa ta’ Robin li anke jsiefer titwettaq u hekk il-ħolma li jara tlugħ ix-xemx fuq il-Baħar Mediterran isseħħ. Robin min-naha tiegħu, issa li wasal sa hawn, xtaq li jagħti sehmu biex itejjeb il-qagħda ta’persuni fl-istess qagħda tieghu. X’jagħmlu, hu u martu biex din il-ħolma sseħħ?
Film Ingliż, taħt id-direzzjoni ta’ Andy Serkis, kitba ta’ William Nicholson, produzzjoni ta’ Jonathan Cavendish, iben Robin. Msejjes fuq storja vera fejn juri l-vera mħabba bejn tnejn fejn tista’ twassal anke fil-mard.