• San Mattew 4:1-11

    Mbagħad l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż.” Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub,

     ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,

     iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’ “

    Mbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li, ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek,’ u li

    ‘Fuq idejhom jerfgħuk,

    Ħalli ma taħbatx riġlejk ma’ xi ġebla.’ ”

    Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll,

     ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.’ ”

    Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.” Mbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub,

    ‘Lill-Mulej Alla tiegħek, għandek tadura,

    u lilu biss taqdi.’ ”

     Mbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh. 

    Qaddisin tal-jum: San Adrijanu, u San Ewbulus, Martri