-
-
**
Diretturi: Scott Moore u Jon Lucas
Atturi: Mila Kunis, Kristen Bell, Kathryn Hahn, Cheryl Hines, Christine Baranski, Susan Sarandon, Jay Hernandez, Justin Hartley u Peter Gallagher
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Amy, divorzjata, b’żewġt itfal, tinsab f’relazzjoni ġdida ma’ Jessie, ġuvni li jiġbdek sesswalment. Għaliha, il-Milied hu żmien li jġib miegħu pressjoni ta’ xogħol għall-ommijiet, żmien li kull omm trid taħseb għat-tiżjin tad-dar, xiri ta’ rigali, tħejjija tal-ikla speċjali f’jum il-Milied u tant ħwejjeġ oħra li din il-festa ġġib magħha.
Amy tinsab f’qagħda xejn feliċi. Ħbiebha, Kiki u Carla wkoll jinsabu fl-istess ilma. Kiki, għalkemm tinsab miżżewwġa, iżda għadha wisq immatura; Carla, għalkemm għandha tifel, jidher fil-preżent m’hemmx rabtiet ma ħadd. Carla kienet taħdem ġewwa Spa. Din is-sena it-tlieta li huma ftehmu li jippruvaw jieħdu t-tħejjija għal Milied b’iktar kalma billi jagħmlu l-inqas xogħol possibbli.
Għall-ewwel kollox deher sejjer sew, skont il-pjan imfassal, sakemm bla ma qatt kienu jistennew, it-tlieta jkollhom żjara mingħand ommhom. Minn hawn tibda l-avventura vera għal dawn it-tlett iħbieb. Mill-ewwel deher li dawn it-tliet ommijiet kienu sejrin joffru xi ftit jew wisq ta’ problemi. Ruth, omm Amy kienet mara dominanti, trid tikkontrolla kollox hi. Mill-ewwel ħadet l-inizjattiva hi li tibdel it-tiżjin għal Milied li Amy kienet ġa ddekorat fid-dar. Amy xejn ma ħadet pjaċir, iżda kien kollu għalxejn li pprotestat.
Ruth kienet sinjura u kienet lesta tonfoq il-flus tant li anke ħejjiet, wara dahar Amy, party għal Milied b’mitejn ruħ mistiedna. Carla min-naħa tagħha wkoll sabet ruħha fl-istess ilma. Ommha, Isis, ma kenitx għaqlija xejn, kienet tħobb tilgħab il-flus u ftit li xejn kellha kont ta’ ħajjitha. L-għan taż-żjara tagħha kien li titlob il-flus mingħand Carla biex wara tmur tilgħabhom. Omm Kiki, Sandy, ma kenitx aħjar. Kienet tadura lit-tifla b’riżultat li ma kellhiex limiti. Darba spiċċat fil-kamra tas-sodda tat-tifla waqt li Kiki u żewġha kienu ntimi ma’ xulxin. L-agħar waħda kienet meta Sandy qaltilha li kienet xtrat dar, bieb ma’ bieb. F’din is-sitwazzjoni, x’Milied kien sejjer ikollhom, b’ommijiethom madwarhom?
Film Amerikan, kummiedja, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Jon Lucas u Scott Moore, li jsegwi l-film Bad Moms li ħareġ għal wiri fl-2016. Minħabba xi dagħa faħxi, koabitazzjoni, użu ta’ droga, ċajt goff, umoriżmu oxxen u bla sens u xeni sesswali, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.