• **

    Direttur:        Seth MacFarlane
    Atturi:            Seth MacFarlane, Charlize Theron, Liam Neeson, Amanda Seyfried
    Ħin:                115 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 15
    Klassifika tal-Knisja: 18
      
    Albert Stark huwa raħħal li jgħix f’Arizona fl-1882 li kien żmien perikoluż minħabba mard, annimali selvaġġi, nies armati b’pistoli, barrin maħrubin, eċċ. Kien żmien meta dejjem tista’ ssib xi ħaġa li toqtlok fil-Wild West. Wara li Albert fil-belt ta’ Old Stump beża’ jiġġieled bil-pistola ma’ wieħed, it-tfajla tiegħu, Louise, titilqu u diġa’ tkun tefet għajnejha fuq Foy. Iddispjaċut, Albert, bniedem ta’ waħdu u li ma jħobbx jagħmila man-nies, jirritorna lejn ir-razzet tal-familja tiegħu u jibda jieħu ħsieb in-nagħaġ. Ħajtu, iżda, tinbidel meta jiltaqa’ ma Anna li tara xi ħaġa fih u tinkoraġġih biex jara kemm kien kbir ġewwa fih. Anna ma tgħidlux li kienet il-mara ta’ Clinch Leatherwood, l-iktar brigant qalil li kien hemm f’dawk l-inħawi. Albert jagħmel minn kollox biex jerġa’ jiġbed lil Louise lejh. Meta f’saħna jisfida lil Foy għal dwell, billi ma tantx ikun jaf jispara, Anna tibda tagħllmu kif jispara sew u fil-proċess jinġibdu lejn xulxin. Sadanittant Clinch ikun ġej fil-belt fejn jinsabu Albert u Anna.
     
    Film western u kummiedja. Seth MacFarlane kien idderiġa l-film “Ted” ta’ l-2012 u li għamel suċċess kbir. Fil-film preżenti mhux biss jagħmila ta’ direttur imma wkoll jaħdem il-parti prinċipali, li ma’ jaqlagħha xejn tajjeb. Huwa jipprova jissostitwixxi n-nuqqas ta’ script u reċtar tajjeb b’ħafna ċajt vojt u mossi baxxi u sitwazzjonijiet skabrużi. Il-film madankollu fih xeneġġjatura sabieħa.  Fih xeni u kliem sesswali, ħafna kliem ħażin, xi xeni ta’ vjolenza u teħid ta’ droga. Jgħodd għal udjenza adulta.