-
-
***
Direttur: Miguel Arteta
Atturi: Ed Oxenbould, Steve Carell, Jennifer Garner
Ħin: 81 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: PG
Klassifika tal-Knisja: PG
Lejliet għeluq it-tnax il-sena tiegħu Alexander ikollu ġurnata ħażina: jeħillu ċ-chewing gum f’xagħru, sħabu fl-iskola jidħqu bih, ma’ jirnexxilux jimpressjoni lit- tifla ħelwa tal-klassi tiegħu, u għal daqsxejn ma’ jqabbadx il-laboratorju tax- xjenza. Biex tagħqad x’ħin imur id-dar il-familja tiegħu ma’ tantx juruh simpatija u bil-kemm jagħtu kashu. Ommhu Kelly tkun moħħha fix-xogħol, missierhu Ben ikun
imħabbat bit-tifel iż-żgħir ta’ sena. Ħutu l-kbar ukoll għandhom x’jagħmlu: Anthony, l-iktar tifel populari fl-iskola, qed iħejji biex jieħu t-tfajla li jammira għal-prom, filwaqt li Emily qedha tipprepara għax għandha l-parti ewlenija fil-produzzjoni ta’ “Peter Pan” li se jagħmlu l-iskola. Għalhekk, dak inhar ta’ għeluq sninu Alexander jagħmel xewqa: li l-familja tiegħu jsiru jafu x’jiġifieri jkollok ġurnata tassew ħażina. U hekk jiġri: missierhu jkollu jieħu l-baby miegħu għal interview tax-xogħol, ommhu tiffaċċja
kriżi fuq ix-xogħol, Anthony jikkraxxja bil-karozza u jkollu x’jgħid mat-tfajla tiegħu, u Emily jkollha riħ hekk kif kellha tiddebutta fuq il-palk. Fil-fatt, dak kollu li seta’ jmur ħażin imur ħażin.
Film kummiedja, ibbażat fuq il-ktieb għat-tfal ta’ Judith Viorst li ħareġ fl-1972. Film ftit artifiċjali għalkemm fih messaġġ pożittiv dwar l-għaqda u s-solidarjeta’ tal-familja; huwa immirat sempliċement biex idaħħaq, b’reċtar tajjeb mill-atturi prinċipali. Fih xi ġlied fil-familja u xi kliem baxx. Nissuġġerixxu li t-tfal ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.