-
-
****
Direttur: Ric Roman Waugh
Atturi: Gerard Butler, Morgan Freeman, Danny Huston, Michael Landes, Tim Blake Nelson, Nick Nolte, Piper Perabo, Jada Pinkett Smith u Lance Reddick
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Mike Banning, aġent fis-servizzi sigrieti, jinsab jitħarreġ ġewwa faċilità militari privata. Hu jiġi rrakkomandat biex jieħu post David Gentry bħala d-Direttur fis-Servizzi Sigrieti tal-President tal-Amerika, Allan Trumbull. Banning jaħbi l-fatt li hu kien taħt il-kura ta’ ħafna tobba minħabba l-emigranja u nuqqas ta’ rqad.
Waqt żjara ta’ mistrieħ li l-President kien qiegħed jagħmel fil-kampanja, drones armati jattakkaw u ħafna li kienu qegħdin jieħdu ħsieb is-sigurtà tal-President jispiċċaw mejta. Iżda Banning jirnexxielu jsalva lilu innifsu u lill-President minn mewta ċerta. It-tnejn jispiċċaw l-isptar, b’Trumbull f’koma. Helen Thompson, aġent fl-FBI issib biżżejjed evidenza biex tixli lil Banning li kien responsabbli għal dan l-attakk. Fuq il-vann li kien użat biex jitwettaq l-attakk, jinstab kemm xagħar kif ukoll id-DNA tiegħu. Banning jiġi arrestat u mixli bl-attentat ta’ qtil tal-President.
Fit-triq lejn iċ-ċentru ta’ detenzjoni, Banning u l-gwardji jiġu attakkati permezz ta’ imbuskata. Hu jirnexxielu joqtol lil dawk li attakkaw u jaħrab hekk kif jintebaħ li dawk kienu aġenti li hu kien magħhom fil-faċilità militari. Banning iċempel lil martu Leah biex jgħidilha li kien għadu ħaj. It-telefonata iżda tallarma lil Thompson u ssir taf fejn kien jinsab. Hi flimkien ma’ numru ta’ aġenti jmorru warajħ. Iżda Banning jerġa’ jaħarbilhom u jmur ifittex lil missieru li kien jgħix f’masġar imwarrab. Sadanittant, il-President Turnbull jibqa’ f’koma b’riżultat li l-Viċi President, Martin Kirby jieħu l-ġurament bħala Acting President.
Jirriżulta li Wade Jennings, ħabib ta’ Banning, issa jinsab jokkupa l-kariga ta’ CEO f’kumpanija paramilitari Salient Global, u kien il-moħħ tal-frame-up li sar fuq Bannnng. Missier Banning, permezz ta’ kameras ta’ sorveljanza jintebaħ li Jennings u niesu kienu resqin lejn id-dar. Kif dawn joqorbu, xi splużjonijet joqtlu ħafna minnhom. Banning u missieru jaħarbu minn fuq il-post waqt li jirrivela li hu kien miżżewweġ b’ tifla. Sadanittant, Jennings kien bagħat tnejn minn nies fid-dar ta’ Banning biex joqtlu familtu. X’jiġri minn hawn hekk kif il-Viċi President Kirby jinforma lill-Istampa li Banning kien responsabbli għal dak li ġara bil-barka tar-Russi?
Film Amerikan, bi storja tajba u mimli azzjoni. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Ric Roman Waugh; it-tielet mis-sensiela Fallen. Minħabba vjolenza kontinwa u ħarxa, qtil vjolenti kif ukoll kliem goff u pervers, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.