-
August: Osage County
-
***
Direttur: John Wells
Atturi: Meryl Streep, Julia Roberts, Juliette Lewis, Julianne Nicholson,
Ħin: 130 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
Beverly Weston kien poeta alkoħoliku u li kien iddejjaq jieħu ħsieb martu Violet, marida bil-kanċer, għax ma kienx qed ikollu ħin jixrob kemm irid. Minn naħa tagħha Violet, it-teħid ta’ ħafna pilloli għamluha tgħid l-affarijiet kif tħosshom u tweġġa’ b-ilsienha. Meta Beverly jagħmel suwiċidju, il-familja kollha jiġu għal funeral. It-tifla l-kbira, Barbara, tiġi ma’ żewġha Bill, li jkun miġġieled magħha, u ma’ binthom ta’ 14 il-sena Jean. It-tieni tifla, Ivy, tibża’ li r-relazzjoni sigrieta tagħha mal-kuġin Little Charlie se tinkixef. It-tielet tifla, Karen, iġġib magħha l-aħħar għarus, raġel li jħobb in-nisa. Tasal ukoll oħt Violet, Mattie Fae, u żewġha Charlie flimkien ma’ binhom. Ilkoll kemm huma jqattgħu diversi ġranet flimkien jiġġieldu u jgħajjru lil xulxin, b’Violet bħala l-kap tal-familja tkebbes aktar in-nar.
Dan il-film hu adattament għaċ-ċinema tad-dramm fuq il-palk, bl-istess isem u li għamel suċċess kbir, mill-awtriċi stess, Tracy Letts. Il-qofol tal-film huwa ħarsa bla ħabi lejn ir-relazzjonijiet fil-familja. L-iktar ħaġa interessanti fil-film hija l-kwalita’ mill-aqwa ta’ kif l-atturi jaħdmu l-parti tagħhom , b’mod speċjali Meryl Streep fil-parti ta’ Violet, u Julia Roberts fil-parti ta’ Barbara. Il-film fih kontenut sesswali, teħid ta’ drogi, u kliem ħażin. Jgħodd għal udjenza adulta.