It-Tħabbira

  • OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

    Bażilika tal-Vatikan

    Anki din is-sena, lejlet ir-Raba’ Ħadd tar-Randan, inġbarna biex niċċelebraw il-liturġija penitenzjali.  Ninsabu magħquda ma’ tant Insara li, il-lum, f’kull parti tad-dinja, laqgħu l-istedina biex jgħixu dan il-mument bħala sinjal tat-tjieba tal-Mulej.  Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, fil-fatt, jagħtina li nersqu b’fiduċja lejn il-Missier, żguri mill-maħfra tiegħu.  Hu tabilħaqq “għani fil-ħniena” u jifrixha bil-kotra fuq dawk kollha li jersqu għandU b’qalb sinċiera.

    Madankollu, il-preżenza tagħna hawn biex nagħmlu esperjenza ta’ mħabbtu hi qabel xejn frott tal-grazzja tiegħu.  Kif fakkarna l-Appostlu Pawlu, Alla ma jieqaf qatt jurina l-għana tal-ħniena tiegħu matul iż-żmien.  Il-bidla tal-qalb li twassalna biex nistqarru ħtijietna hi “don ta’ Alla”.  Waħidna ma naslux.  Li nistqarru dnubietna hu don ta’ Alla, rigal, “opra tiegħu” (ara Efes 2:8-10).  Għalhekk, meta nħalluH imissna bil-ħlewwa ta’ jdejh u jagħġinna bil-grazzja tiegħu, inkunu nistgħu nersqu lejn is-saċerdot bla biża’ minħabba fi ħtijietna, imma biċ-ċertezza li hu se jilqagħna f’isem Alla, u li, minkejja l-miżerji tagħna, aħna mifhuma; u nkunu nistgħu wkoll nersqu mingħajr il-bżonn ta’ avukat difensur: wieħed biss għandna, li ta ħajtu għal dnubietna!  Hu li, mal-Missier, dejjem jiddefendina.  Meta noħorġu mill-konfessjonarju, inħossu l-qawwa tiegħu li terġa’ tagħti l-ħajja u l-ħeġġa fil-fidi.  Wara l-Qrar inkunu twelidna mill-ġdid.

    Il-Vanġelu li smajna (ara Lq 7:36-50) jiftħilna quddiemna mixja ta’ tama u ta’ faraġ.  Kemm hu sew inħossu fuqna l-istess ħarsa kollha ħniena ta’ Ġesù, kif ħassitha l-mara midinba fid-dar tal-Fariżew.  F’din is-silta jispikkaw b’insistenza żewġ kelmiet: imħabba u ġudizzju.

    Hemm l-imħabba tal-mara midinba li titbaxxa quddiem il-Mulej; imma, terġa’, qabel hemm l-imħabba ħanina ta’ Ġesù għaliha, li twassalha biex toqrob lejh.  Id-dmugħ tagħha ta’ ndiema u ta’ ferħ jaħsel riġlejn l-Imgħallem, u xuxitha tixxuttahomlu bi gratitudni; il-bewsiet huma espressjoni ta’ l-imħabba safja tagħha; u ż-żejt ifuħ imsawwab bil-kotra hu xhieda ta’ kemm Hu prezzjuż f’għajnejha.  Kull ġest ta’ din il-mara jitkellem fuq l-imħabba u jesprimi xewqitha li f’ħajjitha jkollha din iċ-ċertezza li ma tiġġarrafx: li hi ġiet maħfura.  U din iċ-ċertezza hi sabiħa wisq!  U Ġesù jagħtiha din iċ-ċertezza: meta jilqagħha, hu juriha l-imħabba ta’ Alla għaliha, propju għaliha, midinba pubblika!  L-imħabba u l-maħfra jingħataw fl-istess ħin: Alla jaħfrilha ħafna, jaħfrilha kollox, għax “ħabbet ħafna” (Lq 7:47); u hi tinżel tqim lil Ġesù għax tħoss li fiH hemm ħniena u mhux kundanna.  Tħoss li Ġesù jifhimha bi mħabba, hi, li hi midinba.  Grazzi għal Ġesù, il-ħafna dnubiet tagħha Alla jitfagħhom wara dahru, ma jiftakarhomx iżjed (ara Is 43:25).  Għax anki dan hu veru: meta Alla jaħfer, jinsa.  Kemm hi kbira l-maħfra ta’ Alla!  Għaliha issa jibda staġun ġdid; twieldet mill-ġdid għal ħajja ġdida fl-imħabba.

    Din il-mara tabilħaqq iltaqgħet mal-Mulej.  Fis-skiet, fetħitlu qalbha; fin-niket, urietu l-indiema tagħha għal dnubietha; bil-biki tagħha, qanqlet it-tjieba divina biex setgħet tirċievi l-maħfra.  Għaliha m’hu se jkun hemm l-ebda ġudizzju jekk mhux dak li ġej minn Alla, u dan hu l-ġudizzju tal-ħniena.  Il-protagonista ta’ din il-laqgħa hi ċertament l-imħabba, il-ħniena li tmur lil hemm mill-ġustizzja.

    Min-naħa l-oħra, Xmun, sid id-dar, il-Fariżew, ma jirnexxilux isib it-triq ta’ l-imħabba.  Għandu kollox ikkalkulat, kollox maħsub…  Hu jibqa’ sod bla ma jitħarrek fuq l-għatba tal-formalità.  Kemm hi kerha l-imħabba formali, ma tinftehimx.  M’hux kapaċi jmidd il-pass li jmiss biex jiltaqa’ ma’ Ġesù li jġiblu s-salvazzjoni.  Xmun illimita ruħu għal stedina lil Ġesù għall-pranzu, imma mhux veru laqgħu għandu.  F’moħħu hemm iberren biss il-ħsieb tal-ġustizzja u hawn jiżbalja.  Il-ġudizzju tiegħu fuq dik il-mara ibiegħdu mill-verità u lanqas iħallih jifhem min hu l-mistieden tiegħu.  Waqaf mal-qoxra tal-wiċċ – mal-formalità – u ma kienx kapaċi jħares lejn il-qalb.  Quddiem il-parabbola ta’ Ġesù u l-mistoqsija fuq liema qaddej ħabb l-iżjed, il-Fariżew iwieġeb tajjeb: “Dak li ħafirlu l-iżjed”.  U Ġesù ma jonqosx li josserva: “Ħsibtha tajjeb” (Lq 7:43).  Huwa biss meta l-ġudizzju ta’ Xmun idur fuq l-imħabba li hu jinsab fit-tajjeb.

    Is-sejħa ta’ Ġesù titlob minn kull wieħed u waħda minna li ma nieqfu qatt mal-qoxra ta’ l-affarijiet, fuq kollox meta għandna quddiemna persuna.  Aħna msejħin inħarsu lil hemm, infittxu x’hemm fil-qalb biex naraw kemm kull persuna kapaċi tkun ġeneruża.  Ħadd ma għandu jitħalla barra mill-ħniena ta’ Alla.  Ilkoll nafuha t-triq biex niksbuha u l-Knisja hi d-dar li tilqa’ lil kulħadd u ma tirrifjuta lil ħadd.  Bibienha jibqgħu miftuħin beraħ, biex dawk kollha li tmisshom il-grazzja jistgħu jsibu fiha ċ-ċertezza tal-maħfra.  Ikbar ma hu d-dnub, ikbar trid trid tkun l-imħabba li l-Knisja turi ma’ dawk li jikkonvertu.  Kemm hi kbira l-imħabba li biha jħares lejna Ġesù!  B’liema mħabba hu jfejjaq il-qalb midinba tagħna!  Qatt ma jbeżżgħuh dnubietna.  Naħsbu fl-iben il-ħali li, meta jiddeċiedi li jerġa’ lura għand missieru, joqgħod jaħseb x’diskors ħa jagħmillu, imma l-missier bilkemm iħallih jitkellem, jgħannqu miegħu (ara Lq 15:17-24).  Hekk jagħmel Ġesù magħna.  “Missier, għandi ħafna dnubiet…” – “Imma Hu jkun kuntent jekk int tmur: se jgħannqek miegħu b’ħafna mħabba!  La tibżax”.

    Għeżież ħuti, spiss ħsibt fuq kif il-Knisja tista’ tagħmel iżjed evidenti l-missjoni tagħha ta’ xhud tal-ħniena.  Hi mixja li titlaq minn konverżjoni spiritwali; u jeħtieġ nagħmluha din il-mixja.  Għalhekk iddeċidejt li nsejjaħ Ġublew straordinarju li jkollu fil-qalba tiegħu l-ħniena ta’ Alla.  Sa tkun Sena Mqaddsa tal-Ħniena.  Irridu ngħixuha fid-dawl tal-kelma ta’ Alla.  “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (ara Lq 6:36).  U dan ngħidu b’mod speċjali għall-konfessuri!  Ħafna ħniena!

    Din is-Sena Mqaddsa tiftaħ fis-solennità li ġejja ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni u tagħlaq fl-20 ta’ Novembru 2016, il-Ħadd ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan ta’ l-univers u wiċċ ħaj tal-ħniena tal-Missier.  Inħalli l-organizzazzjoni ta’ dan il-Ġublew f’idejn il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ l-Evanġelizzazzjoni Ġdida, biex jista’ jippreżentah bħala tappa ġdida fil-mixja tal-Knisja fil-missjoni tagħha li twassal lil kull bniedem il-Vanġelu tal-ħniena.

    Jiena konvint li l-Knisja kollha, li tant għandha bżonn tirċievi l-ħniena, għax aħna midinbin, tista’ ssib f’dan il-Ġublew il-ferħ li tiskopri mill-ġdid u tkattar il-ħniena ta’ Alla, li biha aħna lkoll imsejħa nfarrġu lil kull raġel u mara ta’ żmienna.  Ma ninsewx li Alla kollox jaħfer, u Alla dejjem jaħfer.  Ma negħjewx nitolbu maħfra.  Nafdaw sa minn issa din is-Sena f’idejn Omm il-Ħniena, biex tixħet ħarsitha fuqna u tħares il-mixja tagħna: il-mixja penitenzjali tagħna, il-mixja tagħna b’qalb miftuħa, matul din is-sena, biex nirċievu l-maħfra ta’ Alla, biex nirċievu l-ħniena ta’ Alla.

     Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.