-
ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LI BIHA JAGĦTI L-INDULĠENZA
FL-OKKAŻJONI TAL-ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA
Lil Ħija l-Maħbub
Mons. Rino Fisichella,
President tal-Kunsill Pontifiċju
għall-Promozzjoni ta’ l-Evanġelizzazzjoni ĠdidaIssa li qed joqrob il-Ġublew Staordinarju tal-Ħniena, nista’ niffoka fuq xi punti li nemmen li għandna nieqfu fuqhom biex nagħmlu mod li ċ-ċelebrazzjoni tas-Sena Mqaddsa tkun għal kull min jemmen tabilħaqq żmien ta’ laqgħa mal-ħniena ta’ Alla. Fil-fatt, hi xewqa tiegħi li l-Ġublew ikun esperjenza ħajja ta’ kemm il-Missier hu qrib tagħna, hekk li bħal donnu jrid imissina b’idu ħelwa, biex isaħħaħ il-fidi ta’ kull min jemmen u hekk titqawwa dejjem iżjed ix-xhieda li jagħti.
Ħsiebi jmur, qabel xejn, lejn il-fidili kollha li fid-Djoċesijiet partikulari, jew bħala pellegrini f’Ruma, sa jgħixu l-grazzja ta’ dan il-Ġublew. Nixtieq li l-Indulġenza tal-Ġublew tasal għand kull wieħed u waħda bħala esperjenza ġenwina tal-ħniena ta’ Alla, li joħroġ jiltaqa’ ma’ kulħadd bil-wiċċ tal-Missier li jilqa’ fi ħdanu u jaħfer, waqt li jinsa għal kollox id-dnub imwettaq. Biex jistgħu jgħixu u jiksbu l-indulġenza, il-fidili huma msejħin jagħmlu pellegrinaġġ qasir lejn il-Bieb Imqaddes, miftuħ f’kull Katidral jew fil-knejjes stabbiliti mill-Isqof Djoċesan, u fl-erba’ Bażiliċi Papali ta’ Ruma, bħala sinjal tax-xewqa profonda għal konverżjoni vera. Bl-istess mod nixtieq li fis-Santwarji fejn jinfetaħ il-Bieb tal-Ħniena u fil-knejjes li tradizzjonalment huma identifikati bħala Ġubilari, tkun tista’ tinkiseb l-indulġenza. Huwa importanti li dan il-mument ikun magħqud, qabel xejn, mas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u maċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija mqaddsa b’riflessjoni fuq il-ħniena. Ikun hemm bżonn li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jiġu msieħba mill-istqarrija tal-fidi u mit-talb għalija u skond il-fehmiet li nġorr f’qalbi għall-ġid tal-Knisja u tad-dinja kollha.
Barra minn hekk, qed naħseb ukoll f’dawk li għal diversi raġunijiet mhux sa jkunu jistgħu jgħaddu mill-Bieb Imqaddes, qabel xejn il-morda u l-persuni anzjani u li jinsabu waħidhom, spiss f’qagħda li ma jistgħux joħorġu mid-dar. Lil dawn jiswielhom ta’ għajnuna kbira jekk il-mard u t-tbatija jgħixuhom bħala esperjenza qrib tal-Mulej li fil-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu jgħallimna t-triq biex nagħtu sens lit-tbatija u s-solitudni. Jekk jgħixu bil-fidi u t-tama hienja dan il-waqt ta’ prova, jitqarbnu jew jieħdu sehem fil-Quddiesa u fit-talb komunitarju, anki permezz tad-diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, dan ikun għalihom il-mod kif jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew. Ħsiebi jmur ukoll lejn il-ħabsin, li qed iġarrbu l-limitazzjoni tal-libertà tagħhom. Il-Ġublew sa minn dejjem kien iż-żmien it-tajjeb għal amnestija kbira, li l-għan tagħha hu li tkopri ħafna persuni li, anki jekk jistħoqqilhom il-kastig, madankollu fehmu li wettqu inġustizzja u sinċerament jixtiequ jidħlu mill-ġdid fis-soċjetà bil-kontribut onest tagħhom. Għand dawn kollha tasal konkretement il-ħniena tal-Missier li jixtieq ikun qrib ta’ min l-iżjed jeħtieġ il-maħfra tiegħu. Fil-kappelli tal-ħabsijiet jistgħu jiksbu l-indulġenza, u kull darba li jgħaddu mill-bieb taċ-ċella tagħhom, bi ħsiebhom u t-talb tagħhom merfugħ lejn il-Missier, ħa jkun għalihom dan il-ġest il-passaġġ tagħhom mill-Bieb Imqaddes, għax il-ħniena ta’ Alla, li tista’ tibdel il-qlub, għandha l-ħila wkoll tibdel il-grada taċ-ċella f’esperjenza ta’ libertà.
Jien sejjaħt lill-Knisja biex f’dan iż-żmien tal-Ġublew tiskopri mill-ġdid l-għana li hemm fl-opri ta’ ħniena li jmissu l-ġisem u r-ruħ. Fil-fatt, l-esperjenza tal-ħniena ssir viżibbli fix-xhieda ta’ sinjali konkreti kif għallimna Ġesù nnifsu. Kull darba li l-fidili jgħixu waħda jew iżjed minn dawn l-opri huma stess, żgur li jkunu qed jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew. Minn hawn joħroġ l-impenn li wieħed jgħix bil-ħniena biex jikseb il-grazzja tal-maħfra sħiħa bil-qawwa ta’ l-imħabba tal-Missier li ma jħalli lil ħadd barra. Għalhekk din hi indulġenza ġubilari sħiħa, frott ta’ l-istess ġrajja li qed tiġi ċċelebrata u megħjuxa bil-fidi, it-tama u l-imħabba.
Fl-aħħar nett, l-Indulġenza tal-Ġublew tista’ tinkiseb ukoll għall-għeżież mejtin tagħna. Magħhom aħna mxierka fix-xhieda ta’ fidi u mħabba li ħallewlna. Kif niftakru fihom fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija, hekk nistgħu, fil-misteru kbir tax-xirka tal-Qaddisin, nitolbu għalihom, biex il-wiċċ ħanin tal-Missier jeħlishom minn kull fdal ta’ ħtija u jagħfashom mal-qalb tiegħu fl-hena ta’ bla tmiem.
Waħda mill-ikbar problemi ta’ żmienna hi bla dubju ta’ xejn ir-relazzjoni mibdula li għandna mal-ħajja. Qed ngħixu b’mentalità, il-lum il-ġurnata mifruxa ħafna, li kissritilna dik is-sensibbiltà personali u soċjali tant meħtieġa biex nistgħu nilqgħu ħajja ġdida. It-traġedja ta’ l-abort xi wħud qed jgħixuha b’għarfien superfiċjali, kważi bla ma jittendu bil-ħażen gravi li jġib miegħu att bħal dan. Ħafna oħrajn, min-naħa l-oħra, anki jekk jgħixu dan il-mument bħala telfa, jaħsbu li m’għandhomx triq oħra ħlief dik. Jiġuni f’moħħi, b’mod partikulari, in-nisa kollha li rrikorrew għall-abort. Naf tajjeb il-kundizzjonamenti li wassluhom għal din id-deċiżjoni. Naf li hi dramma eżistenzjali u morali. Iltqajt ma’ ħafna nisa li kienu qed iġorru f’qalbhom il-marka tal-feriti li ħalliet din l-għażla ta’ tbatija u diqa. Dak li seħħ hu profondament inġust; madankollu, jekk nifhmuh fil-verità tiegħu biss nistgħu ma nitilfux it-tama. Il-maħfra ta’ Alla ma tistax tiġi miċħuda lil min jindem, fuq kollox meta b’qalb sinċiera jersaq lejn is-Sagrament tal-Qrar biex jikseb ir-rikonċiljazzjoni mal-Missier. Għalhekk ukoll iddeċidejt, minkejja kull ħaġa kuntrarja, li għal din is-Sena tal-Ġublew nagħti lis-saċerdoti kollha l-fakultà li jagħtu l-assoluzzjoni mid-dnub ta’ l-abort lil dawk kollha li wettquh u, niedma minn qalbhom, qed jitolbu l-maħfra tiegħu. Is-saċerdoti għandhom iħejju ruħhom għal din il-missjoni għolja billi jagħrfu jpoġġu l-aħjar kliem biex jilqgħu b’mod ġenwin lil dawn il-penitenti, b’riflessjoni li tgħinhom jifhmu d-dnub li wettqu, u juruhom x’għandha tkun il-mixja ta’ konverżjoni awtentika biex jistgħu jilqgħu tassew il-maħfra vera u ġeneruża tal-Missier li kollox iġedded bil-preżenza tiegħu.
L-aħħar ħsieb tiegħi jdur lejn dawk il-fidili li għal bosta raġunijiet iħossu li għandhom jiffrekwentaw il-knejjes amministrati mis-saċerdoti tal-Fraternità ta’ San Piju X. Din is-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena ma trid tħalli lil ħadd barra. Minn bosta partijiet tad-dinja, xi aħwa Isqfijiet qaluli bil-fidi tajba u l-prattika sagramentali tagħhom, imsieħba, imma, mill-iskumdità ta’ qagħda pastoralment diffiċli. Nittama li fil-futur qarib jistgħu jinstabu s-soluzzjonijiet biex tinkiseb mill-ġdid il-komunjoni sħiħa mas-saċerdoti u s-superjuri tal-Fraternità. Sadattant, imqanqal mill-ħtieġa li nwieġeb għall-ġid ta’ dawn il-fidili, b’dispożizzjoni personali nistabbilixxi li dawk kollha li matul is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena jersqu biex jiċċelebraw is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni għand is-saċerdoti tal-Fraternità ta’ San Piju X, jirċievu validament u leċitament l-assoluzzjoni ta’ dnubiethom.
Nafda fl-interċessjoni ta’ Omm il-Ħniena, nafda taħt il-ħarsien tagħha t-tħejjija għal dan il-Ġublew Straordinarju.Mill-Vatikan, 1 ta’ Settembru 2015
Franġisku
Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard