• Battle of the Year

  • ***

    Direttur:        Benson Lee
    Atturi:            Josh Holloway, Laz Alonso, Josh Peck, Caity Lotz
    Ħin:                109 minuti
     
    Klassifika taċ-Censura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 12A
     
    L-intraprenditur Dante Graham huwa determinat li jiffinanzja team ta’ żeffiena mill-aqwa għal-kompetizzjoni internazzjonali taż-żfin breakdance, imsejħha ‘Battle of the Year’, li se ssir f’Montpellier. F’dawn l-aħħar snin l-amerikani marru ħażin f’din il-kompetizzjoni, u għalhekk Dante iqabbad lil ħabib antik tiegħu Jason Blake li kien żeffien hu stess, mbagħad sar kowċ tal-basketball u mbagħad spiċċa sakranazz wara l-mewt ta’ marthu, biex ikun il-kowċ tat-team ta’ żeffiena tiegħu. L-isfida ta’ Blake hija li jsib l-aqwa żeffiena li jeżistu fl-Amerika u jgħaqqadhom flimkien bħala team. Bil-għajnuna ta’ Franklyn, impjegat żgħażugħ mal-kumpanija ta’ Dante u li Blake jagħmlu l-assistent tiegħu, u ta’ Stacey, Blake jistinka biex inissel valuri ta’ għaqda u teamwork fost dawn iż-żeffiena egoisti u jbiddilhom f’team tassew mill-aqwa.
     
    Film drammatiku dwar iż-żfin breakdance. Id-direttur Benson diġa’ kellu suċċess f’dan il-ġeneru ta’ suġġett bil-film tiegħu ta’ l-2007 “Planet B-Boy”. Film mimli enerġija u eżerċizzi ta’ preċiżjoni, b’messaġġ pożittiv dwar il-ħtieġa ta kunfidenza fik innifsek, kooperazzjoni u xogħol iebes, kif ukoll ta’ tolleranza.  Ħafna mill-ħin tal-film huwa ddedikat għat-training u dan jista’ jtellef xi ftit mill-interess. Il-film fih kliem u mossi ħżiena. Tfal taħt it-12 il-sena għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.