Is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa

  • Tradizzjoni antika tgħidilna li San Luqa penġa x-xbieha tal-Madonna fuq il-blat għeri ta’ għar fil-Mellieħa fis-sena 60 AD Tradizzjoni oħra ssaħħaħ dan u tgħid li fis-sena 409 AD għadd ta’ Isqfijiet għaddew iżuru dan l-istess għar u kkonsagrawh bħala knisja. Fl-1436, fiż-żjara Pastorali tal-Isqof Senatore De Mello, dan l-għar jissemma li kien ilu jeżisti bħala wieħed mill-ewwel għaxar parroċċi  ta’ Malta. L-Ikona preżenti tal-Madonna hi ta’ stil Biżantin-Sqalli u ġiet probabilment impenġija madwar is-seklu ħdax. Maż-żmien, id-devozzjoni lejn dan is-Santwarju, iddedikat lit-Twelid tal-Verġni Marija, kibret ħafna u pellegrini minn kull naħa tad-dinja ġew iżuru lix-xbieha qaddisa biex jitolbu l-għajnuna tagħha. Fost il-ħafna nies magħrufa li ġew iżuruha nsibu lil Papa San Ġwanni Pawlu II, li fl-1990 niżel jitlob quddiem l-ikona qaddisa.
     
    Dan is-Santwarju hu post qaddis u ta’ ġabra, fejn il-bniedem isib is-serħan tal-moħħ, tar-ruħ u tal-ġisem. Illum din ix-xbieha tal-Madonna tinsab meqjuma ma’ għoxrin xbieha oħra fil-European Marian Network kif ukoll ma diversi Santwarji oħra fl-għaqda ‘Marija Omm l-Ewropa’. F’Mejju 2015, il-Konferenza Episkopali Maltija irrikonoxxiet lis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa bħala s-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna f’Malta.

    Ftuħ tal‑Bieb tal‑Ħniena

    Mit‑Tnejn sal‑Ħadd: mit-8:00am sas-6:00pm
    Fis‑sajf: mit-8:00am sas-7:00pm

    Sagrament tar‑Rikonċiljazzjoni

    Qabel u wara l‑Quddies

    Quddies fis‑Santwarju

    Mit‑Tnejn sas‑Sibt: 8:30am
    Il‑Ħadd: 10:00am (bl‑Ingliż)